Tlesta l-proġett ta’ restawr fuq il-faċċata tal-Knisja Parrokkjali ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun, proġett li sar b’investiment ta’ €200,000, b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal-Unjoni Ewropea. Il-proġett ġie inawgurat illum mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett. Preżenti wkoll is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross u l-Arċipriet Dun Walter Cauchi.
Permezz ta’ dan il-proġett, li għalih ikkontribwixxew ukoll il-parruċċani tal-Ħamrun, tnaddfet il-ġebla tal-faċċata li kienet esposta għat-tniġġis tal-arja u tbiddel il-ġebel immermer, li kien espost għall-elementi naturali. Tneħħa tagħmir tal-elettriku u biċċiet tal-ħadid infilzat fil-ġebla, tnaqqas il-kontenut tal-melħ fuq is-saff tal-ġebla, ingħalqu l-ġonot tal-ġebel, u sar l-irtokk u l-kisi protettiv meħtieġ tal-fili. Ġew irrestawrati wkoll l-aperturi tal-injam u tal-metall tal-faċċata tal-knisja, li wħud minnhom kellhom anki ħġieġ imxaqqaq. Xi wħud minnhom reġgħu saru mill-ġdid.
L-Isqof Galea-Curmi rringrazzja lil dawk kollha li taw il-kontribut tagħhom għax-xogħlijiet ta’ dan ir-restawr. Hu qal li x-xogħol li sar għandu jgħin biex il-bini tal-knisja jinżamm fi stat tajjeb ħafna, ħalli l-knisja, li hi d-dar miftuħa għal kulħadd, tkun tista’ tilqa’ fiha lil kull min jaċċetta l-istedina biex jinġabar fiha bħala parti mill-poplu ta’ Alla. “Il-knisja ta’ San Gejtanu għadek tista’ taraha minn diversi postijiet, u din hi grazzja meta tqis li ċertu bini għoli ġieli ma jħalliniex napprezzaw l-isbuħija ta’ bini li hu l-patrimonju ta’ kulħadd.” L-Isqof appella biex inkomplu b’ħilitna kollha nieħdu ħsieb il-wirt kulturali tagħna, li jgħinna nagħrfu l-identità tagħna bħala poplu.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali qed isir investiment ta’ €4 miljun biex jintużaw mill-Arċidjoċesi ta’ Malta sabiex twettaq proġetti ta’ restawr fuq 33 knisja f’Malta bil-għan li titwettaq konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal-wirt kulturali ekkleżjastiku. “Dan huwa investiment ieħor li twettaq b’fondi Ewropej, li għen lill-parroċċa tal-Ħamrun tirrestawra l-faċċata ta’ din il-knisja, li hija tant għal qalb il-komunità Ħamruniża, waqt li titkompla l-ħidma ta’ dan il-gvern biex jirrestawra l-wirt kulturali ta’ pajjiżna,” qal Dr Bonett.
Is-Sur Pace Ross irringrazzja lil Vaults li wettqu xogħlijiet ta’ restawr, lill-perit Ramon Gauci, u lil EMCS għas-servizz ta’ konsulenza.
Il-knisja ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun bdiet tintuża fl-1875 u fl-1881 saret knisja parrokkjali. Din hi waħda minn għadd ta’ knejjes f’Malta li qed jibbenefikaw mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2014-2020.