L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Ġesù jidher quddiem Pilatu fi stat ta’ arrest, umiljat, quddiem il-poter ċivili. “X’għamilt?” (Ġw 18:35), jistaqsih Pilatu. Aħna u nippreparaw għas-Sena tal-Ġublew, sena li l-Papa jixtieqha tkun, kif qalilna lilna l-isqfijiet fis-17 ta’ Mejju li għadda, meta ltqajna miegħu fil-Vatikan. Xtaq li s-Sena tal-Ġublew, li se nibdew minn hawn u ftit ġimgħat oħra, ħa nikkwota lill-Papa bit-Taljan kif kellimna: ‘Una grande festa di misericordia’, ‘festa kbira ta’ ħniena’. U biex nifhmu u niċċelebraw tassew il-ġublew f’dan is-sens li ngħixuh bħala festa kbira ta’ ħniena, tajjeb li quddiem Ġesù, f’dawn il-ġimgħat li ġejjin; dalwaqt nibdew l-Avvent, sena liturġika ġdida flimkien; imma anke fis-Sena tal-Ġublew, lil Ġesù nistaqsuh: ‘X’għamilt? X’għidt?’
Dan kien l-eżerċizzju li l-qaddisin dejjem kienu jpoġġu quddiem għajnejhom. Kieku Ġesù kien fis-sitwazzjoni li qiegħed fih jien, x’kien jagħmel? X’kien jgħid? Kif kien iġib ruħu? Il-mistoqsija ta’ Pilatu, ma tkunx għalina, allura, mezz ta’ interrogazzjoni ta’ Ġesù, imma eżerċizzju ta’ kif nimitawh. “X’għamilt Ġesù?”
U jiena naħseb, li kieku jkollna nisimgħu r-risposta tiegħu, Ġesù jgħid: ‘Jien ħabbejt, għax Jiena l-imħabba’. F’ħin minnhom, Ġesù jitkellem fuq il-missjoni tiegħu, proprju f’dan id-djalogu ma’ Pilatu: “Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità” (Ġw 18:37). Minn hawn u ftit ġranet oħra, niċċelebraw il-miġja tiegħu fostna, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Għaliex ġie? Ġesù stess jagħti r-risposta. Għalfejn ġejt Ġesù? “Jiena ġejt biex nixhed għall-verità” (Ġw 18:37). Kelma oħra għal xhud hi martri. Għax min irid jixhed, irid ikun lest iħallas il-prezz tax-xhieda tiegħu. Ix-xhieda ta’ Ġesù hi vera għax ħierġa mill-qalb tiegħu. “Tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11:29).
Il-ġustizzja tesiġi, li min seraq irodd lura; min ikkalunja lil xi ħadd igiddeb lilu nnifsu; min għamel ħsara jirranġaha. Għax dik hi l-ġustizzja, li inti, jekk għamilt xi ħaġa li mhux sewwa, mhux biss tgħid: ‘aħfirli’, ‘skużani’; imma trodd lura.
U għalhekk stedina oħra li nixtieq nagħmel lill-Knisja f’Malta, aħna u niċċelebraw din is-solennità ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu, hi li napprezzaw ħafna t-tagħlim li tana l-Papa Franġisku, lejn tmiem Ottubru li għadda, kważi xahar ilu, fuq il-Qalb ta’ Ġesù, fl-enċiklika sabiħa ħafna: Dilexit nos. Bħalissa qed issir it-traduzzjoni ta’ dan id-dokument bil-Malti; hi x-xewqa tiegħi, li dan it-tagħlim sabiħ tal-Papa fuq il-Qalb ta’ Ġesù, qalb mimlija ħniena, mogħdrija, ubbidjenza lejn il-Missier, umiltà, għatx għall-ġustizzja, verità. F’din il-qalb insiru nafuha u nsiru iżjed inħobbuha.
“X’għamilt Ġesù?” Ir-risposta li jagħtina l-Imgħallem, fil-qalb tagħna hi risposta li tgħallimna kif għandna nġibu ruħna, għaliex hu kulma għallimna, tana eżempju tiegħu. “Ħobbu lill-għedewwa tagħkom” (Mt 5:44), aħfer lil min naqsek. “Jiena ma ġejtx biex inkun moqdi, imma biex naqdi” (Mt 20:28).
Una grande festa di misericordia. Ejjew l-ewwel nett lil Ġesù, nitolbuh il-grazzja li nifhmu xi tfisser li tkun ħniena. Niftakru f’dak li għallimna, meta għallimna nitolbu: “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). U fl-Evanġelju ta’ San Mattew jgħid: “Imma jekk intom, ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom” (Mt 6:15) Ejjew aħna u nagħmlu din il-festa ta’ misericordia, ta’ ħniena, nimpenjaw ruħna, biex il-pjagi tar-ruħ tagħna, minħabba l-ħażen, minħabba l-inġustizzji li sofrejna, minħabba l-ħsara li nagħmlu lil xulxin, aħna ntaffuh bil-ħniena.
Tgħiduli l-ħniena tneħħi l-esiġenzi tal-ġustizzja? Le! Għax Alla li hu ħanin, hu wkoll ġust. Il-Mulej li hu qalbu ħelwa, qalbu tajba, qalbu umli, ġie jixhed għall-verità. Jekk ikollna ħniena mingħajr ġustizzja, ikun ingann. Il-ġustizzja tesiġi, li min seraq irodd lura; min ikkalunja lil xi ħadd igiddeb lilu nnifsu; min għamel ħsara jirranġaha. Għax il-ġustizzja hi li jekk għamilt xi ħaġa li mhux sewwa, mhux biss tgħid: ‘aħfirli’, ‘skużani’; imma trodd lura. Inkella l-ħniena, tkun ħniena rħisa; u iva, mmur inqerr, jagħtina assoluzzjoni. Il-Mulej hu xhud tal-verità; u dik hi l-verità li se teħlisna; il-verità li tagħmel il-ħniena li nagħmlu u li nuru lil xulxin, tkun ħniena ta’ vera, li ssaffina, li tqawwina, li toħloq tessut soċjali, san, u mimli tama.
Nitolbu biex aħna nkunu strument ta’ paċi, bħalma konna fl-1989, strument fejn il-ġnus jiltaqgħu biex jitkellmu b’onestà, u biex jaħdmu għall-paċi. Imma aħna nafu, l-aħwa, li l-paċi fid-dinja, tintrebaħ fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna.
Ejjew nitolbu lill-Mulej, li aħna u nixxenqu għall-ħniena tiegħu, ikollna l-umiltà naffaċċjaw ir-realtà tagħna nfusna, ir-realtà ta’ bejnietna. Illum ma nistgħux ma nitolbuhx biex aħna nkunu strumenti tal-paċi.
Ftit tal-jiem oħra f’Malta se jiltaqgħu rappreżentanti tal-pajjiżi kollha, tal-Ewropa ġeokrafika u kulturali, mhux biss tal-Unjoni Ewropea; dik li hi magħrufa organizzazzjoni għas-sigurezza tal-kontinent Ewropew. Nitolbu biex din il-laqgħa ma tkunx biss okkażjoni fejn jittieħdu r-rittratti, nitbissmu lil xulxin, u jibqa’ kollox kif kien. Nitolbu biex aħna nkunu strument ta’ paċi, bħalma konna fl-1989, strument fejn il-ġnus jiltaqgħu biex jitkellmu b’onestà, u biex jaħdmu għall-paċi. Imma aħna nafu, l-aħwa, li l-paċi fid-dinja, tintrebaħ fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna.
Aħna llum qegħdin niċċelebraw is-Sultan tal-paċi, il-Prinċep tas-sliem. Nitolbuh li jżur il-qalb tagħna; u jippreparana għal din il-festa kbira ta’ ħniena, ta’ misericordia, billi jgħallimna naħfru lilna nfusna, naħfru lil xulxin, u nilqgħu lil Alla bħala dak li jaħfrilna. Jalla jsaltan fil-qlub tagħna, bħala dak li jgħallimna l-verità, għax għalhekk ġie. Is-saltna tiegħu mhix ta’ din id-dinja; dak li wegħidna jmur lil hinn mill-ħajja ta’ din id-dinja, imma l-messaġġ tiegħu hu relevanti anke għall-ħajja tagħna. “Min iħobb il-verità jisma’ leħni” (Ġw 18:37). Jalla aħna li nixxenqu għas-sewwa, nisimgħu leħen is-Sultan tagħna.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Dan 7:13-14
Salm: 92(93):1ab,1ċ-2,5
Qari II: Apok 1:5-8
L-Evanġelju: Ġw 18:33b-37