Is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija (SfCE) u l‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja (CSA) ħarġu dokument ta’ pożizzjoni b’rispons għall‑White Paper “Lejn it‑Tisħiħ tal‑Qafas Legali għall‑Użu Responsabbli tal‑Kannabis”. Dan id‑dokument se jiġi ppreżentat lill‑Gvern bħala parti mill‑proċess ta’ konsultazzjoni li għaddej bħalissa.

Bħala edukaturi li jaħdmu ma’ eluf ta’ tfal u żgħażagħ, is‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija u l‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja għandhom ir‑responsabbiltà li jesprimu r‑riżervi tagħhom dwar it‑triq perikoluża li l‑pajjiż qiegħed jieħu permezz ta’ dak li qiegħed jiġi propost fil‑White Paper.

Id‑dokument ta’ pożizzjoni jsostni l‑importanza ta’ diskussjoni nazzjonali wiesgħa fuq id‑direzzjoni li l‑pajjiż għandu jieħu f’dan il‑qasam, minflok ma nkomplu ngħaġġlu biex infittxu ngħaddu liġi li, b’kull probabbiltà, twassal biex tippromwovi l‑użu tas‑sustanzi. Is‑settur tal‑iskejjel tal‑Knisja jħeġġeġ biex il‑pajjiż jitgħallem mill‑esperjenzi ta’ pajjiżi oħra fejn miżuri preventivi wasslu biex naqqsu l‑użu tas‑sustanzi speċjalment fost iż‑żgħażagħ.

Dan id‑dokument ta’ pożizzjoni  jidentifika seba’ punti ta’ tħassib f’din il‑White Paper:

  • Ix‑xjenza u l‑istatistiċi

Għall‑kuntrarju ta’ dak li tiddikjara l‑White Paper, l‑użu tal‑kannabis jista’ jwassal għal kwistjonijiet ta’ dipendenza serja. 25% ta’ dawk li talbu l‑għajnuna tal‑Caritas fl‑2020 kienu dipendenti fuq il‑kannabis. 36% taż‑żgħażagħ ta’ bejn l‑20 u d‑29 sena u 75% tal‑adolexxenti ta’ bejn l‑14 u d‑19‑il sena li użaw is‑servizzi ta’ Caritas fl-2019 kienu bdew jużaw id-drogi billi jpejpu l-kannabis.

  • It‑tqegħid ta’ pjanti tal‑kannabis fid‑djar Maltin għandu implikazzjonijiet serji ħafna

Il‑White Paper tippermetti sa massimu ta’ erba’ pjanti tal‑kannabis f’kull dar. Dan huwa ta’ tħassib kbir meta wieħed jikkunsidra li għadu ma sarx biżżejjed studju dwar l‑implikazzjonijiet ta’ din il‑proposta, li wara kollox tista’ tiġġenera sa żewġ kilogrammi ta’ kannabis. Id‑dokument ta’ pożizzjoni jniżżel xi wħud mill‑kwistjonijiet serji partikolarment tat‑tfal u l‑familji.

  • Kritika qawwija minn professjonisti f’oqsma differenti

L‑organizzazzjonijiet kollha li jaħdmu fil‑qasam tal‑abbuż mis‑sustanza u numru ta’ entitajiet professjonali esprimew oppożizzjoni qawwija għal din il‑White Paper.  Fid‑dawl ta’ din il‑kritika ħarxa, speċjalment dik li ġejja minn professjonisti mingħajr aġenda partiġġjana, il‑Gvern għandu jirrifletti fuq il‑validità ta’ xi wħud mill‑proposti tal‑White Paper. Tal‑inqas, għandu jittieħed bis‑serjetà l‑appell li dawn qegħdin jagħmlu għal aktar riċerka, qabel ma jitkomplew il‑bidliet leġiżlattivi.

  • Id‑dekriminilizzazzjoni jeħtieġ li tkun trattata b’kawtela

Il‑pussess ta’ ammonti żgħar ta’ kannabis għall‑użu personali m’għandux jirriżulta f’kondotta kriminali. Madankollu, il‑leġiżlazzjoni preżenti dwar id‑dekriminilizzazzjoni ta’ 3.5gr ta’ kannabis ilha biss ftit snin.  Għalhekk, qabel ma nestendu b’mod drastiku l‑ammont ta’ kannabis li wieħed jista’ jkollu fil‑pussess tiegħu mingħajr penalizzazzjoni, ikun għaqli li jsir studju dwar l‑effetti tal‑leġiżlazzjoni preżenti fuq is‑soċjetà.

  • Kampanji edukattivi fuq l‑użu tal‑kannabis jeħtieġu ċarezza u mhux messaġġi mħalltin

Ir‑referenza għall‑kampanji edukattivi kif imsemmija fil‑White Paper hija kontradittorja għall‑kampanji edukattivi li jsiru sal‑lum il‑ġurnata minn professjonisti li jaħdmu fil‑qasam edukattiv.

  • Il‑bżonn ta’ entità ġdida biex jiġi irregolat l‑użu tal‑kannabis mhuwiex ċar

Il‑White Paper tipproponi li titwaqqaf awtorità li taħdem biss fuq il‑kannabis. L‑għan ta’ dan mhuwiex ċar sakemm l‑intenzjoni fit‑tul mhix li jiġi estiż l‑użu tal‑kannabis lil hinn minn kif inhu msemmi fil‑White Paper.

  • M’hemmx viżjoni strateġika fuq kif jitnaqqas l‑użu tas‑sustanza fis‑soċjetà

Il‑White Paper ma tinkludix viżjoni strateġika fuq kif fis‑soċjetà titnaqqas id‑dipendenza fuq is‑sustanza. M’hemm l‑ebda diskussjoni dwar jekk l‑istrateġija nazzjonali għandhiex ixxaqleb lejn kultura ta’ normalizzazzjoni tal‑kannabis, kif qed tipproponi l‑White Paper, jew inkella għandhiex minflok tinvesti fi programmi u faċilitajiet rikreattivi iktar sani.

Konklużjoni

Id‑dibattitu fuq il‑White Paper huwa importanti għaliex se jagħti direzzjoni lis‑soċjetà għas‑snin li ġejjin. Id‑dokument ta’ pożizzjoni jappella lill‑Gvern biex jidħol f’konsultazzjoni pubblika serja, u biex jikkummissjona riċerka estensiva fuq l‑impatt soċjali li se jkollhom dawn il‑proposti. Fuq kollox, il-proposti tal-White Paper m’għandhomx jimxu ’l quddiem qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss. Suġġett daqshekk sensittiv m’għandux jintuża bħala ballun politiku jew bħala eżerċizzju għall‑ġbir ta’ voti fuq l‑għatba ta’ elezzjoni ġenerali.

L‑appell tas‑Segretarjat għall‑Edukazzjoni Nisranija u l‑Assoċjazzjoni tal‑Iskejjel tal‑Knisja huwa li d‑diskussjoni fuq livell nazzjonali għandha tiffoka fuq miżuri ta’ kif għandna nnaqqsu r‑riskju ta’ abbuż tas‑sustanzi fis‑soċjetà, b’mod partikolari fost iż‑żgħażagħ, u li nitgħallmu mill‑esperjenzi ta’ pajjiżi oħra fejn diġà esperjenzaw suċċess u naqqsu l‑abbuż tas‑sustanzi permezz tal‑miżuri preventivi li adottaw.

Id‑dokument ta’ pożizzjoni hu aċċessibbli fuq: csm.edu.mt/sfce-and-csa-position-on-cannabis-white-paper/