L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi
“Ħażin għalik” (Lq 10:13). Din il-kelma llum nisimgħuha darbtejn fl-Evanġelju. Jgħidha Ġesù għal żewġt ibliet – Korożajn u Betsajda. Magħhom, bi kliem ieħor imma li jfisser l-istess, Ġesù jgħaqqad ukoll lil belt oħra, Kafarnahum.
Mhux l-ewwel darba li Ġesù tkellem b’din l-espressjoni “ħażin għalik”. Lill-Fariżej, għal diversi drabi, kien qalilhom “Ħażin għalikom”, prinċipalment minħabba l-ipokresija u l-wiċċ b’ieħor tagħhom. U kien qalha wkoll meta tkellem fuq dawk li jagħtu skandlu. Kien qal: “Ħażin għalih… min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin” (Lq 17:1-2).
L-ewwel ħaġa li tolqotna hu kemm Ġesù hu ċar fi kliemu. Meta kien il-każ li jgħid “Imberkin” jew “Henjin”, kif qal drabi oħra, qal hekk; meta hu l-każ li jgħid “ħażin għalik”, jgħidha wkoll. Nimmaġina li meta Ġesù semma Korożajn u Betsajda u Kafarnahum, kien hemm min qallu biex ma jindaħalx fil-politika u jikkonċentra fuq affarijiet oħra. Imma Ġesù ma jiddejjaqx jgħid l-affarijiet kif inhuma: it-tajjeb jgħidlu tajjeb u l-ħażin jgħidlu ħażin.
Dan hu messaġġ siewi ħafna għalina lkoll, u ċertament għalikom li qegħdin fil-kamp tal-edukazzjoni, kif ukoll fil-ħidma tal-Arċidjoċesi. Ninkoraġġikom biex aħna ngħinu lil xulxin ħalli jkollhom kriterji ta’ dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. Hi sfida llum. Kultant il-mentalità fis-soċjetà hi: agħmel il-ħażin u sejjaħlu tajjeb; agħti lil xi ħadd dak li ma ħaqqux u sejjaħlu “għajnuna għal dawk li huma fil-bżonn”. Flok nitkellmu ċar u tond bħal Ġesù, kultant hemm min jipprova jiġġustifika l-ħażin u jgħid “prosit” flok “dak hu żball”.
Araw id-differenza fl-Ewwel Qari, mill-ktieb tal-Profeta Baruk, fejn jgħid: “Aħna dnibna quddiem il-Mulej, ma tajniex widen għall-Mulej Alla tagħna… ma smajniex leħen il-Mulej Alla tagħna” (Baruk 1:17-18.21). Kienet stqarrija tal-ħażin – il-ħażin sejjaħlu b’ismu – u stqarrija ta’ poplu niedem, li mbagħad tista’ twassal għal talba ta’ maħfra bħalma hemm fis-Salm: “Tiftakrilniex il-ħtijiet tal-imgħoddi, fittex ejja u ilqagħna fi ħnientek” (Salm 79:8).
Ġesù kien diżappuntat għax in-nies ta’ dawn l-ibliet ma tawx każ il-kelma tiegħu u dak li għamel. Sempliċiment injorawh, u baqgħu mexjin fi triqthom u mwaħħlin fil-ħażen tagħhom. Innutaw l-espressjoni li juża Ġesù “ħażin għalik”. Għax fil-fatt, meta tagħmel il-ħażin, l-ewwel ħsara li tkun qed tagħmel hu lilek innifsek. Int tmur minn taħt. Tista’ tħossok għal mument tajjeb, anke li rnexxielek tqarraq, imma l-ewwel ħsara lilek innifsek. Imbagħad, dażgur, ħsara wkoll lil ta’ madwarek.
Aħna nafu li hu Ġesù li jurina tassew dak li hu ta’ ġid għalina, hu li jgħidilna: min jisma’ lili jkun jisma’ lil dak li bagħatni. Nixtieq inħeġġiġkom ilkoll biex, imdawlin mill-kelma ta’ Alla, ngħinu lil xulxin nikbru f’ambjent ta’ rispett sħiħ lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull persuna. Din hi sfida oħra ta’ żminijietna. Kull persuna hi xbieha ta’ Alla, għandha dinjità. Għalhekk meta tisma’ min jgħid li persuni b’diżabilità huma frott id-dnub, din hi mentalità żbaljata mibnija fuq preġudizzji li ma jirrispettawx id-dinjità tal-bniedem u li jweġġgħu. Ma għandna qatt ngħidu hekk! Inħeġġiġkom, anzi, biex inkomplu naħdmu ħalli neqirdu l-istigma u l-preġudizzji u kull tip ta’ diskriminazzjoni u ostakli li jiltaqgħu magħhom il-persuni b’diżabilità.
Nitolbu llum lill-Mulej biex aħna dejjem naċċettaw li hu jdawwalna bil-kelma tiegħu, li hi dejjem kelma ta’ mħabba u ta’ għożża għal kull persuna, u nitolbuh biex fil-ħidma tagħna, fil-ħidma tagħkom ta’ edukazzjoni u fil-ħidma tal-Arċidjoċesi, dejjem inwasslu dan l-ispirtu tiegħu lil kull persuna f’kull ambjent li nkunu fih.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju