L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Qaddis hu t-tempju ta Alla, li huwa intom” (1 Kor 3:17). Dan it-tempju li ġie kkonsagrat bħal-lum mill-Isqof predeċessur tiegħi Cocco Palmieri hu sinjal ta’ dak li hu aħna. Hu tempju mibni mill-ġebel, imżejjen bl-isbaħ irħam u b’dak kollu li l-arti tista’ toffri, imma jibqa’ sinjal tat-tempju ta’ Alla li hu aħna.

Dan it-tempju ġie kkonsagrat wara li l-katidral li kien hemm qabel li ġarrab ħsarat kbar fit-terremot tal-1693 u b’xi mod hu sinjal ukoll ta’ kemm-il darba aħna niġġarrfu u l-Mulej jerġa’ jqajjimna fuq saqajna. Għax it-tempju li ġie kkonsagrat bħal-lum mhuwiex biss id-dar ta’ Alla imma wkoll id-dar tagħna.

Il-pandemija ċaħditna minn dan it-tempju għal xhur. Kien ta’ qsim il-qalb għalija li l-Għid li għadda niċċelebra l-liturġija qaddisa tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet mingħajr il-poplu ta’ Alla. Iċċelebrajnieh hawnhekk imma l-poplu ta’ Alla ma setax ikun fit-tempju ta’ Alla, fid-dar tiegħu. Illum nirringrazzjaw ’l Alla li ċ-ċirkustanzi qed jerġgħu jistednuna biex insibu l-ħin u l-opportunità nerġgħu niġu f’dan l-ispazju li missirijietna u aħna ddedikajna għall-qima ta’ Alla.

Kull konsagrazzjoni hi mezz kif aħna l-bnedmin nilqgħu mingħand Alla don, rigal u nerġgħu nisseparawh, nissegregawh għal Alla biss. B’xi mod dan jiġri fina individwalment fil-misteru tal-magħmudija. Aħna, frott l-imħabba tal-ġenituri tagħna, għandna bidu ta’ bnedmin. Bil-magħmudija aħna kkonsagrati lil Alla. Imma dan it-tempju jfakkarna li aħna mhux biss ikkonsagrati individwalment imma wkoll bħala komunità. Imsejħin biex nimxu flimkien. B’xi mod il-komunità hi dan it-tempju li jterraq matul l-istorja fit-toroq tal-ħajja.

Għażiż Mons. Mario, inti msejjaħ biex tkun ir-ragħaj ta’ din il-komunità ċkejkna b’għeruq profondi fl-istorja. Kieku jkollna noqogħdu nħarsu lejn in-numri tal-parroċċa tal-Imdina, nirrealizzaw kemm hi komunità ċkejkna u prezzjuża. Imma s-sinjal li fil-knisja katidrali jkun hawn mhux biss komunità ħajja imma wkoll ragħaj li jieħu ħsiebha f’isem l-isqof, hu sinjal qawwi.

Tradizzjonalment din hi l-ewwel parroċċa; din hi l-omm tal-parroċċi kollha. Ma nidħlux fil-kwistjoni jekk San Pawl iċċelebrax l-Ewkaristija hawnhekk jew fil-grotta tiegħu fejn illum hemm il-bażilika minuri. Imma tradizzjonalment is-sede tal-isqof kienet minn dejjem meqjuma bħala omm il-parroċċi tal-gżejjer Maltin u llum tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. 

Inti msejjaħ biex mhux biss tieħu ħsieb il-familji li hawn l-Imdina, issir tafhom, iżżurhom, tkun qaddej tagħhom f’isem Ġesù u l-Knisja, imma wkoll li tilqa’ bl-imħabba ta’ missier tant pellegrini li jiġu mhux bilfors ifittxu s-serħan ta’ Ġesù imma jfittxu li jiltaqgħu ma’ xi ħaġa li hi frott il-fidi u espressjoni sabiħa tal-ġenju tal-arti u tal-ġenju Malti. Jalla l-laqgħa li inti toffri bħala saċerdot, bħala arċipriet ta’ dan il-katidral, twassal lil ħafna lejn Ġesù.

Kull konsagrazzjoni hi mezz kif aħna l-bnedmin nilqgħu mingħand Alla don, rigal u nerġgħu nisseparawh, nissegregawh għal Alla biss.

M’iniex qed nafdalek mużew. Jiena qed nafdalek opportunità ta’ pastorali. Hekk nixtieq u hekk nawguralek. Tgħidli kif? Hi sfida għax l-Imdina, minħabba ċ-ċirkustanzi u l-fiżjonomija tagħha, minħabba l-fatt li hi belt magħluqa fiha nfisha, donnha maqtugħa mill-kumplament tal-pajjiż. Imma s-sbuħija tagħha tiġbed lejha eluf ta’ nies. Min jidħol hawn se jinduna li daħal fid-dar ta’ Alla ħaj?

U din niftakar f’xi ħaġa li l-Papa jħobb jikkwota meta jsemmi l-mixja Sinodali li jixtieq li nibdew flimkien mill-ġimgħa d-dieħla. Il-Papa jikkwota lil Gustav Mahler, kompożitur tal-era Romantika, kompożitur straordinarjament manjifiku fil-mużika tiegħu. Il-Papa jammirah ukoll – u din qalha meta kien qed jitkellem mid-djoċesi tiegħu fit-18 ta’ Settembru li għadda – għall-għerf tiegħu. Gustav Mahler kiteb hekk: li tieħu ħsieb it-tradizzjoni ma jfissirx li tadura l-irmied imma li tibqa’ tindokra n-nar.

Hekk nixieq ukoll għal din il-parroċċa ċkejkna imma antika, mhux naduraw l-irmied, imma nkomplu nieħdu ħsieb il-fjamma li xegħell fil-qalb tagħna l-Appostlu Missierna San Pawl.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Slat 8: 22-23. 27-30
Salm: 83: 3-5, 10-11
Evanġelju: Lq 19:1-10

Aktar ritratti >>