L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
“Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!” (Iż 60:1). Din il-festa tal-Epifanija hi wieħed mill-mumenti importanti fil-festi tal-Milied, li jikkonkludu bil-festa tal-magħmudija tal-Mulej. Imma hi festa ta’ dawl. Il-Mulej jiddi bħala dawl mhux biss fil-ħolqien fis-sinjal tal-kewkba; imma jiġi preżentat lilna lkoll il-ġnus, bħala dawl ta’ ħajjitna. Il-profeta Iżaija, meta jitkellem fuq id-dawl, qed jitkellem fuq l-esperjenza tal-imħabba ta’ Alla u tal-ħniena tiegħu.
“Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!” (Iż 60:1) L-awgurju tiegħi għalikom hu li f’xulxin, bl-inżul u t-tlajja tal-ħajja, isibu l-esperjenza ta’ dan id-dawl ta’ ħniena, imħabba u faraġ. U jekk inti qed tipprova tfittex il-kewkba li tindikalek fejn hemm il-Mulej bil-ħniena tiegħu, nistiednek li ssibha fil-qalb tal-maħbub jew il-maħbuba ta’ qalbek u ta’ ħajtek. Dik hi l-kewkba li l-Mulej għażel għalik.
Nifirħilkom u nawguralkom tal-għażla li tbierku ż-żwieġ tagħkom bis-sagrament is-sena li għaddiet. Bis-sagrament li rċivejtu, il-Mulej jagħmel minnkom ilkoll dawl għall-ġnus. F’dinja għatxana għat-tama, intom l-għeżież li għażiltu li timpenjaw ruħkom fit-triq tal-imħabba miżżewġa, intom sinjal ta’ tama. Is-sinjal ta’ tama li l-kelma ta’ min iżommha; u minkejja d-dgħufija tagħna, għandna rieda sħiħa li nżommuha. Intom tajtu kelma lil xulxin, li tkunu fidili għal xulxin, fir-risq it-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u fis-saħħa tul ħajjitkom kollha. Intom tajtu sinjal ta’ mħabba lil xulxin.
U meta tajtu ċ-ċurkett lil xulxin għedtu dawn il-kliem għeżież: “Ħu dan iċ-ċurkett, sinjal ta’ mħabbti u l-fedeltà tiegħi lejk. Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu”. Il-kunsens li għamiltu hi l-kelma li tajtu.
Intom tafu li l-kunsens kien it-tieġ, issa qegħdin tgħixu ż-żwieġ. It-tieġ jgħaddi, forsi l-kontijiet ma jgħaddux malajr, imma ż-żwieġ trid tgħixu kuljum. Hu wkoll għandu l-kont, il-kont miegħek innifsek; il-kont li jħabbat fuq l-egoiżmu ta’ kull wieħed u kull waħda minna, u jistedinna nagħtu ħajjitna; il-kont fuq in-nuqqas ta’ paċenzja tagħna, u jistedinna li nistabru b’xulxin.
Inħobb nirrepeti l-inċident ħelu lejn it-tmiem il-ħajja ta’ San Ġorġ Preca, meta t-tabib tiegħu Dr Spiteri ddeċieda li jiżżewweġ, u mar għand Dun Ġorġ għal parir. Sinjur, se niżżewweġ, tagħtini parir? Dun Ġorġ, lil dan it-tabib żagħżugħ, qallu: Dottore, mur id-dar u fuq il-blata ta’ kull bieb ta’ kull kamra ikteb tliet kelmiet: ‘Paċenzja, paċenzja, paċenzja’. U l-paċenzja fil-ħajja miżżewġa ssir id-dizzjunarju tal-imħabba u tal-ħniena. Dr Spiteri laħaq qalli, ‘U kelli bżonnha din il-paċenzja, Dun!’ Il-Mulej bierek lilu u lill-mara b’ħajja twila flimkien, imma żgur kienet il-ħajja bħal tagħkom ilkoll, imżewqa bil-bnazzi u bil-maltemp.
Jiena nawguralkom ħafna, li f’xulxin issibu l-kewkba li tferraħkom; u li fil-mumenti tad-dlam u tat-tbatija, ssibu min jgħinkom verament. Il-liturġija tat-tieġ, titlob fuqkom li ssibu ħbieb li jirrispettawkom fl-impenn għal xulxin, ma jkunux ta’ tfixkil. Nawguralkom li ssibu ħbieb hekk. Ftakru li intom inftamtu mill-familja li l-Mulej berikkom fiha, biex tagħmlu l-familja tagħkom.
Forsi smajtuni nitlob, biex ma ngħidx nittallab u nitkarrab, biex f’Malta jkollna l-barka tal-ulied. Din it-talba nagħmilha lilkom ukoll; imma nirrispetta d-deċiżjonijiet tagħkom. Itolbu għall-barka tal-ulied, biex meta l-Mulej, fil-ħniena tiegħu jżejjinkom bl-ulied, jimliekom ukoll bil-ferħ. Imma jiena nawguralkom ukoll ħajja twila flimkien. Tinsewx li l-Mulej ma jqarraqx bina, ma jingannaniex, se jgħinkom tgħixu l-fedeltà għal xulxin. “Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli; iżda fuqek jiddi l-Mulej, u sebħu jfeġġ fuqek” (Iż 60:2).
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 60:1-6
Salm: 71 (72):1-2,7-8,10-11,12-13
Qari II: Ef 3:2-3a. 5-6
L-Evanġelju: Mt 2:1-12