Il-Jum Internazzjonali Missjunarju ser ikun iċċelebrat nhar il-Ħadd 23 ta’ Ottubru 2022 u għandu l-għan li jixħet dawl fuq ix-xogħol li jwettqu Missjunarji ‘l bogħod minn arthom, b’risq komunitajiet fil-bżonn.

Missio Malta li tagħmel parti mill-organizzazzjoni dinjija li ġġib l-istess isem, tiddedika x-xahar ta’ Ottubru kollu sabiex tqajjem kuxjenza dwar il-ħidma missjunarja, f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.

Il-Kap tal-Komunikazzjoni u l-Ġbir ta’ Fondi ta’ Missio Malta, Robert Farrugia, qal li dan il-jum hu okkażjoni sabiħa biex in-nies isiru jaf iktar dwar reliġjużi u lajċi Maltin u Għawdxin li ddedikaw ħajjithom sabiex jgħinu komunitajiet fil-bżonn.

“Il-Jum Internazzjonali Missjunarju hu biss jum wieħed li jfakkarna fil-missjoni, hekk kif il-ħidma ta’ Missio tibqa’ għaddejja s-sena kollha. F’dan il-jum, Missio tagħti ġieħ lill-missjunarji mid-dinja kollha, għad-dedikazzjoni tagħhom b’risq persuni fil-bżonn. Dan nagħmluh billi nwasslu l-messaġġ Missjunarju tal-Vanġelu, u billi ngħinu fil-prattika komunitajiet f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Missio Malta tħeġġeġ lin-nies sabiex jagħtu s-sostenn tagħhom permezz ta’ donazzjonijiet li jmorru favur proġetti ta’ fejda li Missio tmexxi,” qal Farrugia.

Missio Malta f’kollaborazzjoni ma’ Missio Australia ħolqot filmat li jiċċelebra l-valuri tal-Jum Internazzjonali Missjunarju.

Bħalissa, Missio Malta qed tagħti s-sostenn tagħha fl-Etjopja fost pajjiżi oħra, fejn komunitajiet qed jiġu megħjuna bi proġetti marbuta mal-agrikoltura. Proġett ieħor qed jgħin tfajliet jitgħallmu ħiliet ġodda sabiex ikunu kapaċi jiksbu l-indipendenza tagħhom. Dawn il-proġetti huma intiżi sabiex jgħinu lill-komunitajiet tal-missjoni ikollom kwalità tal-ħajja aħjar.

Din is-sena, fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali Missjunarju, l-Arċisqof Charles se jiċċelebra quddiesa fil‑Bażilika Arċipretali ta’ Santa Marija, fil‑Mosta fid‑9:30am. Din tixxandar live fuq TVM, knisja.mt u Newsbook.mt. Għada s-Sibt 22 ta’ Ottubru, lejlet il-Jum Missjunarju, membri voluntiera ta’ Missio se jiltaqgħu man-nies fuq iz-zuntier tal-istess knisja sabiex iqajmu kuxjenza dwar il-ħidma tal-missjonijiet madwar id-dinja.

Iktar kmieni dan ix-xahar, Missio Malta nediet il-proġett Socktober f’kollaborazzjoni mal-MFA u li fih numru ta’ tfal li jattendu nurseries tal-futbol raw kif jinħadem ballun magħmul miċ-ċraret, kif jagħmlu tfal f’pajjiżi  li qed jiżviluppaw.

Għal iktar tagħrif dwar il-Jum Internazzjonali Missjunarju żur https://missio.org.mt/mission-month2022/ jew ċempel 99137373.