Il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tixtieq turi s‑sodisfazzjon tagħha għad‑deċiżjoni tal‑Awtorità tal‑Ippjanar, li Villa Frere fi Gwardamanġa tingħata l‑ogħla grad ta’ protezzjoni. Daqstant ieħor ta’ min ifaħħar il‑ħruġ ta’ linji gwida bil‑ħsieb li tingħata attenzjoni akbar lill‑binjiet skedati u monumenti, meta jkunu qed jiġu proċessati applikazzjonijiet għal żvilupp qribhom. (Il‑KA tittama biss li l‑ispirtu ta’ dawn il‑linji gwida ma jkunx imminat mill‑membri tal‑kummissjonijiet li jiddeċiedu fuq l‑applikazzjonijiet ta’ żvilupp.)
Jekk irridu li kull żvilupp li jsir ikun bil‑għaqal u sostenibbli, kif jidher li jixtieq il‑Ministru għall‑Ambjent, it‑Tibdil fil‑Klima u l‑Ippjanar Aaron Farrugia, ma jistax jonqos li jkollna ppjanar aktar intelliġenti milli kellna sa issa, u l‑KA tapprezza r‑rieda tajba ta’ dan il‑ministeru minn dan l-aspett. Iżda hija ħasra li b’dan kollu bħala sfond, għadu jiġi propost tibdil fi pjani ta’ żvilupp jew policies li juri nuqqas ta’ serjetà u impenn lejn żvilupp aktar bil‑għaqal. Eżempju ta’ dan hija t‑talba formali li għamel il‑Gvern lill‑Awtorità tal‑Ippjanar biex temenda l‑pjan lokali għall‑Majjistral ta’ Malta u d‑development brief għal Ħal Ferħ, sabiex l‑art tkun tista’ tiġi użata wkoll għal żvilupp residenzjali.
Il‑KA temmen li din it‑talba mhix aċċettabbli għax is‑sit, li jinsab f’waħda miż‑żoni l‑aktar sbieħ tal‑Gżejjer Maltin, kapaċi jsir fih investiment esklussivament turistiku li jkun ta’ kwalità u li jkun irendi mingħajr il‑ħtieġa li jsir bini residenzjali fih. B’xorti ħażina f’pajjiżna mhix l‑ewwel darba li jinbidel l‑użu ta’ propjetà tal‑gvern li oriġinarjament tkun intenzjonata biex tintuża għat‑turiżmu. Dan jagħti lil wieħed x’jifhem li l‑interessi tal‑entitajiet kummerċjali li jkollhom art mogħtija lilhom b’konċessjoni mill‑Gvern (art li fl‑aħħar mill‑aħħar hija propjetà tal‑poplu Malti), jiġu qabel id‑dmir li tiġi mħarsa l‑infrastruttura turistika tal‑pajjiż.
Fuq kollox jekk din it‑talba tal‑Gvern tintlaqa’, tkun qed iġġib fix‑xejn kull dikjarazzjoni li jagħmel l‑istess Gvern li ż‑żoni tal‑iżvilupp mhumiex qegħdin jiġu estiżi. Dan għaliex waqt li l‑estensjoni tal‑linji tal‑iżvilupp għal bini residenzjali ma tkunx tidher li qed issir fuq il‑karta, fil‑verità dan xorta jkompli jsir meta jiġi permess żvilupp residenzjali f’żoni li qatt ma kienu indikati għal tali żvilupp. Dan isir permezz ta’ policies, bħar‑Rural Policy and Design Guidance li tippermetti li titla’ binja residenzjali flok borġ ġebel fil‑kampanja, jew permezz ta’ tibdil fil‑pjani ta’ żvilupp bħalma qed jitlob il‑Gvern fil‑każ ta’ Ħal Ferħ.
Il‑KA diġà wasslet l‑oġġezzjoni tagħha għal din it‑talba tal‑Gvern waqt l‑eżerċizzju ta’ konsultazzjoni pubblika li sar biex jiġi rivedut il‑Pjan Lokali għall‑Majjistral u l‑iżvilupp f’Ħal Ferħ. Fl‑oġġezzjoni li għamlet, il‑KA ħeġġet lill‑Gvern biex jara li l‑iżvilupp li jsir fil‑pajjiż kollu u mhux biss f’Ħal Ferħ ikun riżultat ta’ ppjanar intelliġenti li jħares il‑patrimonju mibni u naturali tal‑pajjiż fiż‑żminijiet ta’ wara l‑pandemija tal‑COVID‑19.