Koppja ta’ żewġ ġenituri b’żewġt itfal trid iktar minn €700 fix-xahar biex tixtri l-ikel u l-prodotti essenzjali.
Dan ħareġ minn studju tal-Caritas u disa’ studenti universitarji li eżaminaw il-prezzijiet tal-ikel u prodotti oħra minn bosta stabbilimenti.
Il-metodoloġija ta’ dan l-istudju kienet permezz ta’ xirjiet minn żewġ supermarkets fiċ-ċentru u fin-Nofsinhar ta’ Malta, supermarket f’Għawdex, żewġ ħwienet tal-merċa fit-Tramuntana ta’ Malta, tliet vannijiet li jbiegħu l-ikel fin-Nofsinhar, fiċ-ċentru u f’Għawdex, ħanut tal-merċa li jbigħ il-ħaxix u l-frott fit-Tramuntana ta’ Malta u s-suq tal-bdiewa f’Ta’ Qali.
Ix-xirjiet fittizji kienu jkopru familja ta’ żewġ ġenituri b’żewġt itfal.
Rigward il-prezzijiet tal-mediċina, peress li din ma tantx tvarja f’Malta, ix-xirja saret fi spiżerija fin-Nofsinhar.
Kemm jonfqu l-familji f’xahar?
Xirja għal familja ta’ żewġ ġenituri u żewġt itfal kienet ta’ €719.50 fix-xahar li tammonta għal €8,634 fis-sena. L-istess xirja għal ġenitur waħdu b’żewġt itfal kienet ta’ €542.49 li tammonta għal €6,509.88 filwaqt li din ix-xirja għal koppja anzjana kienet ta’ €362.28 li tammonta għal €4,347.36.
Meta wieħed jikkunsidra l-istess xirja li saret fl-2022, xirja għall-familja ta’ erbgħa kienet ta’ €698.80 filwaqt li x-xirja għall-familja ta’ tlieta kienet ta’ €526.28 u x-xirja għall-koppja anzjana ta’ €351.32.
Dan ifisser li bejn l-2022 u l-2023, xirja għall-familja ta’ erbgħa għoliet bi 2.96% filwaqt li x-xirjiet għall-familja ta’ tlieta u l-koppja anzjana għolew b’aktar minn 3%.
Bejn Lulju 2020 u Frar 2023, kull xirja għoliet b’aktar minn 20%. Fil-każ tal-koppja anzjana, din ix-xirja għoliet b’€972.52 (28.8%).
Xirja minn vann tal-ħaxix f’Għawdex orħos minn supermarket
L-istudju nnota li xirja ta’ ħaxix u frott minn vann tal-ħaxix f’Għawdex kienet tammonta għal €45.79 meta l-istess xirja f’supermarket f’Għawdex kienet tammonta għal €60.26.
L-istudju sab li s-suq tal-bdiewa f’Ta’ Qali kien joffri l-orħos prezzijiet hekk kif xirja ta’ frott u ħaxix kienet tammonta għal €38.50 filwaqt li l-istess xirja minn ħanut tal-ħaxix u frott kienet tammonta għal €77.07.
Jekk wieħed jikkunsidra l-prezzijiet tal-ħaxix u l-frott mis-supermarkets, xirja tammonta għal €48.56 mill-ħwienet fin-Nofsinhar, €56.89 mill-ħwienet fiċ-ċentru u t-Tramuntana u €60.26 f’Għawdex.
Mill-vannijiet tal-ħaxix, din ix-xejra tinqaleb u huma l-vannijiet fin-Nofsinhar bl-ogħla prezzijiet (€52.54) hekk kif il-vannijiet fiċ-ċentru u t-Tramuntana joffru prezzijiet irħas (€46.90) u l-vannijiet f’Għawdex bl-irħas prezzijiet (€45.79).
Koppja anzjana tonfoq kważi €50 fix-xahar f’mediċini
Koppja anzjana tonfoq €49.84 f’xahar f’mediċini biss, liema spiża tammonta għal €598.12.
L-istess xirja ta’ mediċini minn familja ta’ erbgħa tammonta għal €32.37 filwaqt li familja ta’ tlieta tonfoq €20.48.
Minn Lulju 2020 għal Frar 2023, l-ispejjeż fil-mediċini għolew ukoll hekk kif xirja f’sena għoliet b’aktar minn 25%. Għall-koppja anzjana, l-ispiża għoliet b’44.95%.
Il-Caritas innotat li, minkejja li ħafna mediċini huma offruti b’xejn mill-Gvern, hemm anzjani li jkollhom bżonn mediċini inqas komuni u li dawn ma jkunux offruti b’xejn.
Hi sabet kif mediċina tal-għadam, li kienet popolari fost l-anzjani, kienet tiswa €177 f’sena. “Innotajna wkoll mill-ispiżjara li aktar u aktar nies qed jixtru mediċina tal-anti-depressant,” qalet il-Caritas.
Il-Caritas tipproponi inqas taxxa fuq il-ħaxix u l-frott u inqas rimi ta’ ikel
Il-Caritas qed tipproponi li s-supermarkets u l-ħwienet jingħataw aktar għajnuna sabiex ma jarmux l-ikel u minflok, jagħtuh lill-familji fil-bżonn.
Qalet li dan jista’ jsir b’kollaborazzjoni mal-NGOs jew kumpaniji oħra.
Il-Caritas qalet li tinsab sodisfatta li nfetaħ suq tal-bdiewa fil-Birgu imma li tixtieq li din l-inizjattiva tiġi estiża f’lokalitajiet oħra jew żoni bħal sptarijiet, żoni industrijali u skejjel “fejn jinġabru eluf ta’ persuni”.
Semmiet ukoll li t-trasport pubbliku għandu jgħaqqad is-suq tal-bdiewa f’Ta’ Qali għal bosta lokalitajiet.
Il-Caritas sostniet li biex aktar persuni jixtru ikel aktar bnin u tajjeb għal saħħithom, għandha tonqos it-taxxa fuq il-ħaxix u l-frott. Dan apparti li l-familji bi dħul baxx jiġu megħjuna jutilizzaw dan l-ikel u jużawh fir-riċetti ta’ kuljum.
Id-Direttur tal-Caritas Anthony Gatt spjega li l-għan ta’ dan l-istħarriġ kien li jidentifika l-prezzijiet tal-ikel u prodotti essenzjali f’kuntest ta’ familji bi dħul baxx u qed jippruvaw jgħixu ħajja bażika iżda diċenti.
Hu semma li l-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna wasslu għal żidiet kbar fil-prezzijiet ta’ dawn il-prodotti.
“Il-Malti jiflaħ għal dawn iż-żidiet kollha?” – Andrè Bonello
Andrè Bonello, wieħed mill-persuni li pparteċipa fil-pubblikazzjoni tal-istudju, stqarr li ż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel u l-kera qed jinħassu ħafna aktar minn qabel fuq il-poplu u staqsa jekk il-poplu jiflaħx għal dawn iż-żidiet.
Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar ir-rabta maż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel maż-żidiet fil-prezzijiet tal-kera u prodotti oħra, Bonello wissa li dawn l-isfidi kollha qed ikollhom impatt negattiv kbir fuq is-saħħa mentali u semma ż-żieda fit-talba għall-mediċina kontra d-dipressjoni.
“Il-bniedem qed iġorr tant fuq spallejh u għandu tant diffikultajiet u minħabba f’hekk ma tantx hekk nagħtu kas tas-saħħa mentali,” appella Bonello li staqsa kif persuna bi problemi fis-saħħa mentali tiffunzjona fis-soċjetà.
Hu sostna li parti mis-soluzzjoni hija li jonqos it-tabù dwar din il-problema u li jkun hemm aktar għarfien dwar l-għajnuna offruta u fakkar li l-mediċina tas-saħħa mentali mhijiex offruta b’xejn.
Bonello rrimarka li s-saħħa mentali tat-tfal u ż-żgħażagħ għandha tingħata importanza wkoll minħabba l-effetti fuqhom mill-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna.
Hu semma l-proposta tal-Caritas biex minflok tingħata aktar mediċina b’xejn, għandu jingħata aktar ikel bnin lill-persuni u li dan se jimpatta wkoll il-kriżi tal-obeżità fil-pajjiż.
Sors: Newsbook Malta