L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Hemm pittura sabiħa ta’ Caravaggio li qiegħda fi knisja f’Ruma – il-knisja ta’ San Luigi dei Francesi. Qiegħda f’kappella fejn fil-fatt hemm tliet pitturi dwar San Mattew. Waħda minnhom hi s-sejħa ta’ Mattew, u tesprimi b’mod sabiħ ħafna dak li smajna fl-Evanġelju llum.

Is-sejħa ta’ Ġesù

Mattew qiegħed bilqiegħda flimkien ma’ erba’ oħra, madwar mejda li fuqha hemm il-flus, u tnejn minnhom qed iħarsu lejn il-flus u jibqgħu jħarsu lejn il-flus. Ġesù, flimkien ma’ Pietru ħdejh, qiegħed jifrex idu u jindika lil Mattew. Hi l-għażla ta’ Ġesù, is-sejħa li għamel lil Mattew. Imbagħad hemm dak li ħafna esperti jaħsbu li hu Mattew, li għandu idu x-xellugija tipponta lejh innifsu u ħarsa fuq wiċċu li qisha qed tgħid “lili qed issejjaħ?”, u l-id l-oħra għadha ggranfata mal-flus.

Hi pittura sabiħa għax tesprimi tajjeb ħafna l-għażla ta’ mħabba ta’ Ġesù. Fil-fatt, fil-pittura, ’il fuq mill-id ta’ Ġesù, hemm id-dawl li jidħol fid-dlam, idawwal fost l-oħrajn il-wiċċ ta’ Mattew. Hu Ġesù li jġib id-dawl lilu fil-ħajja tiegħu. Ħafna jaraw ukoll fil-mod kif qiegħda l-id ta’ Ġesù xebh mal-pittura ta’ Michelangelo tal-ħolqien ta’ Adam, jiġifieri hawnhekk qed tfisser il-ħolqien ġdid li jġib Ġesù. Qed iġib id-dawl fil-ħajja ta’ Mattew, u jagħtih ħajja ġdida.

It-tweġiba ta’ Mattew

Aħna nafu li Mattew wieġeb għas-sejħa ta’ Ġesù. L-Evanġelju jgħid: “Dak qam u mar warajh” (Mt 9:9). Meta qed jikkumenta fuq dan, il-Venerabbli San Beda jgħid illi mar warajh għax il-Mulej nebħcu minn ġewwa, dawwallu moħħu b’raġġ tal-grazzja tiegħu, u Mattew aċċetta li jwieġeb u jimxi warajh. U bis-saħħa tiegħu mbagħad, meta għamel l-ikla lil Ġesù, l-Evanġelju jgħid li ma kienx biss hu ma’ Ġesù u d-dixxipli imma ġew bosta pubblikani u midinbin li qagħdu hemmhekk għal din l-ikla. Bit-tweġiba tiegħu li mar wara Ġesù, Mattew ġab ukoll oħrajn għand Ġesù.

Kif nafu, il-Papa Franġisku għażel il-motto tiegħu ispirat mill-kummentarju ta’ San Beda fuq din il-ġrajja tas-sejħa ta’ Mattew: “miserando atque eligendo” – li tfisser: Ġesù ħares lejh b’ħarsa ta’ ħniena u ta’ għażla, jiġifieri għażlu mqanqal mill-ħniena. Din hi s-sejħa li Ġesù jagħmel lil kull wieħed u waħda minna, għax lilna Ġesù jsejħilna mhux għax aħna tajbin imma għax hu tajjeb. Isejħilna u, jekk naċċettawh, iġeddidna u jittrasformana fil-ħajja tagħna. Għalhekk l-Evanġelju għandu messaġġ sabiħ ħafna għall-ħajja tagħna. Ġesù jgħid li ġie jsejjaħ mhux lill-ġusti iżda lill-midinbin, jiġifieri ġie jsejjaħ lil kull wieħed u waħda minna.

Ġesù jrid li aħna lkoll inħalluh, bl-imħabba u l-ħniena tiegħu, jittrasformana u jagħmilna tassew dixxipli tiegħu. Irridu niftakru dejjem li aħna nimxu warajh mhux għax aħna ġusti jew sforz it-tjubija tagħna, imma għax hu jagħmilna tajbin bil-qawwa tal-grazzja tiegħu.

Ġid li jgħin biex oħrajn jaslu għand Ġesù

Aħna llum qegħdin nirringrazzjaw lil Alla fl-għeluq tas-sena akkademika tal-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali. Diversi minnkom segwew korsijiet. Kollu ġid kbir li sar! Il-Mulej ifakkarna li waqt li aħna nitgħallmu u napprofondixxu temi importanti tal-ħajja tagħna Nisranija, u nagħmlu esperjenza siewja ta’ formazzjoni u dan jiswielna ta’ ġid kbir, aħna ma nqisux lilna nfusna aħjar mill-oħrajn, imma naraw kif nistgħu nkunu ta’ ġid għall-oħrajn. Naraw kif l-esperjenza sabiħa li nirċievu permezz ta’ dawn il-korsijiet tgħinna biex inwasslu lil oħrajn għand Ġesù – bħal Mattew illum, u bħalma għamlu tant nies oħra li għażel Ġesù, li l-ewwel laqgħu huma l-imħabba u l-ħniena tiegħu, u mbagħad għenu lill-oħrajn biex jaslu għandu.

Nixtieq li flimkien nagħmlu talba ta’ ringrazzjament lil Alla għall-ġid li sar din is-sena permezz ta’ dawn il-korsijiet fl-Istitut ta’ Formazzjoni Pastorali, u għal dak li aħna lkoll tgħallimna aktar. Nitolbu li nkunu dejjem dixxipli veri ta’ Ġesù, lesti li nilqgħu l-imħabba u l-ħniena tiegħu, u li ngħinu ħalli aktar nies jaslu għand Ġesù, ħalli lilu jagħtu glorja u warajh jimxu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Aktar ritratti