Ħafna drabi ninsew inħobbu.

Meta nkunu mgħaġġla u nsibu ruħna mwaħħla fit-traffiku;
meta xi ħadd iqabbiżna waqt li qed nistennew fi kju ġewwa s-supermarket;
meta dak li nkunu ordnajna jasal tard;
meta ħadd mill-Bank ma jwieġeb it-telefonati tagħna;
meta xi membru tal-familja jgħid xi kelma mhux f’lokha waqt l-ikla tal-Ħadd.

Kontinwament insibu ruħna f’sitwazzjonijiet li jqanqlu kollox ħlief l-imħabba ġewwa fina. Il-verità hi li aħna bnedmin tad-demm u l-laħam li ngħixu flimkien fl-istess ċirku u għalhekk faċilment indejqu u nqabbżuha lil xulxin. Ħafna minna m’aħniex paċenzjużi u tkun iebsa għalina li ma ntawlux ilsienna u nweġġgħu lil ħaddieħor.

“Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel.” (1 Ġw 4:19)

Huwa diffiċli li wieħed jibqa’ kalm u jaġixxi bi mħabba ma’ xi ħadd frustrat, imma mhux hekk jagħmel Ġesù kull meta aħna niżbaljaw? Li kieku xi ħadd irnexxielu jwettaq eżatt dak li huwa pprietka, dan hu Ġesù nnifsu, li wkoll iħeġġiġna nagħmlu l-istess: li nħobbu anke meta nkunu mweġġgħa, li nħobbu anke meta jkun jeħtieġ li ninsew lilna nfusna, u li nħobbu anke meta nħossuna mkabbra biex nagħmlu dan, għaliex fl-aħħar mill-aħħar dan hu Ġesù. Ġesù wriena l-ogħla forma ta’ sagrifiċċju tal-imħabba billi miet għalina fuq is-salib, u dan kollu seta’ jseħħ għax twieled bħala tarbija. Għax sar bniedem, aħna nistgħu mmorru għandu, xi ħaġa li ma kinitx tkun possibbli kieku ma twelidx, biex imut u jirxoxta.

Imma xi tfisser li tħobb?

San Pawl jagħtina spjegazzjoni ċara fl-ewwel kitba tiegħu lill-Korintin, li forsi ġieli smajna speċjalment waqt ċelebrazzjoni taż-żwiġijiet minħabba li s-suġġett huwa addattat, imma kemm fil-fatt ngħixuh fil-ħajja tagħna ta’ kuljum?

“L-imħabba taf tistabar u tħenn;
l-imħabba mhijiex għajjura, ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn;
ma tagħmilx dak li mhux xieraq;
ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla;
ma żżommx f’qalbha għad-deni, ma tifraħx bl-inġustizzja,
imma tifraħ bil-verità;
kollox tagħder, kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti.
L-imħabba ma tintemm qatt.” (1 Kor 13:4-8)

F’dan il-Milied, ejjew inqiegħdu isimna minflok il-kelma ‘mħabba’ f’dawn il-vrus tal-bibbja u nistaqsu lilna nfusna jekk hux qed ngħixu tassew l-imħabba lejn l-oħrajn kif qalilna Ġesù.

“Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”
(Ġw 13:35)

Li nagħżlu li nimxu wara Ġesù u li Hu jkun iċ-ċentru tal-ħajja tagħna jfisser li kulma nagħmlu nagħmluh bi mħabba għax Huwa nnifsu hu mħabba. Huwa jagħtina l-grazzja li ma nkunux frustrati, irrabjati u bla paċenzja iżda li nagħmlu kollox bi mħabba. Nistgħu nxerrdu l-fidi bix-xhieda tagħna stess – li nħobbu anke meta huwa tassew diffiċli jqanqal lin-nies biex jistaqsu kif aħna nistgħu ngħixu hekk differenti, u dan jiftħilna t-triq biex nitkellmu dwar Ġesù.

Imma kif nistgħu nibdew nagħmlu dan?

Meta ngħaddu l-ħin ma’ Ġesù fit-talb, Huwa jrattab il-qalb tagħna u jagħtina l-grazzja u l-għerf biex nagħrfu nħabbtu wiċċna ma’ dak li niltaqgħu miegħu ta’ kuljum. Jekk nistiednu lil Alla fil-ħajja tagħna, aħna nagħtuh iċ-ċans li jurina perspettiva oħra tan-nies ta’ madwarna, narawhom bħala wliedu, hekk li nsiru nħobbuhom aktar filwaqt li nnaqqsu mir-rabja tagħna lejhom. Jekk nieqfu għal ftit sekondi qabel ma nirreaġixxu, nistgħu ngħallmu lill-qalb tagħna biex twieġeb għar-rieda t’Alla hekk li nkunu nistgħu nikkontrollaw ir-rabja tagħna jew xi kliem li jweġġa’ fis-saħna tal-mument. Li jkollna qalb miftuħa għal Alla sabiex jidħol f’dawn il-waqtiet tal-ġurnata tagħna jgħinna nixbhu aktar lilu, fil-ħsibijiet tagħna, fi kliemna, u wkoll f’għemilna.

Dan il-Milied nistgħu nitolbu lil Ġesù jgħallimna nħobbu kif iħobb Hu.

Alla Missier, irrid nagħraf inħobb aktar, u li nara lin-nies ta’ madwari bħala l-għeżież uliedek. Warrab minni kull imrar, rabja u frustrazzjoni u minflok imlieni bl-imħabba, il-paċi u l-hena tiegħek. Urini kif nista’ nkun aktar ħanin u anqas bla paċenzja, u laqqagħni ma’ dawk il-persuni li jistgħu jgħinuni nixbah aktar lilek. Agħtini l-grazzja li niftaħ qalbi għall-oħrajn, nagħmel differenza f’din id-dinja u nkun fidil lejk, hekk li aktar nies isiru jafuk u jagħrfuk mill-għemejjel tiegħi.

“Ishru, żommu sħiħ il-fidi, kunu qalbiena, saħħu ruħkom ilkoll. Ħa jsir kollox fostkom bl-imħabba.” (1Kor 16:13-14)

Miktub minn Sarah Zammit Munro