Israel

Ir-relazzjonijiet bejn is-Santa Sede u Israel ikomplu jieħdu xejra pożittiva fl-aħħar jiem wara laqgħa oħra tal-kummissjoni bilaterali deskritta bħala suċċess.

Il-Kummissjoni bilaterali ta’ ħidma permanenti bejn is-Sanata Sede u l-Istat ta’ Israel iltaqgħet il-Ħamis li għadda “sabiex tkompli negozjati marbuta ma’ Artiklu 10 § 2 tal-Ftehim Fundamentali”, qal komunikat tal-Vatikan.

Il-Ftehim Fundamentali kien iffirmat fit-30 ta’ Diċembru 1993 u kien jistabbilixxi relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ entitajiet. Sa minn dak iż-żmien, iż-żewġ naħat innegozjaw punti partikolari dwar eżenzjoni ta’ taxxa u drittijiet għall-Knisja fejn jirrigwarda propjeta, partikolarment ta’ siti qaddisa.

Il-komunikat tal-Vatikan żied li “t-taħditiet saru f’atmosfera mill-iktar kordjali u kostruttiva u sar progress lejn il-ftehim”. Il-Kummissjoni ta’ ħidma se terġa’ tiltaqa’ fl-14 ta’ Ġunju, b’sessjoni plenarja tiltaqa’ fil-15 ta’ Ġunju fil-Vatikan.