St. Francis Xavier

Magħruf bħala l-Appostlu tal-Lvant, l-iktar missjunarju li vvjaġġa u evenġelizza minn żmien San Pawl ‘l hawn. San Franġisk Saverju, ko-fundatur tas-Soċjeta ta’ Ġesu, għex fl-ewwel nofs tas-16-il seklu u jibqa’ magħruf għall-ħidma tiegħu biex il-Vanġelu jasal l-Indja, il-Ġappun u anki f’partijiet ta’ dik li llum hi l-Indonesja.

Huwa qatt ma vjaġġa lejn l-Awstralja, għax ovvjament ma kinitx għadha magħrufa mill-Ewropej dak iż-żmien. Illum, 460 sena wara mewtu, relikwija tal-missjunarju meqjus bħala wieħed mill-qaddisin padruni tal-Awstralja, qed tittieħed Sydney f’pellegrinaġġ maħsub biex ifakkar is-Sena tal-Grazzja, inawgurata mill-Isqfijiet Kattoliċi tal-pajjiż f’Għid il-Ħamsin, jew Pentekoste.

Il-ġisem tal-qaddis jinsab meqjum f’bażilika f’Goa, fl-Indja, filwaqt li r-relikwija – id-driegħ li bih kien jgħammed u jbierek il-folol tan-nies, normalment tinżamm fil-knisja ewlenija tal-Ġiżwiti f’Ruma.

L-Isqof Awżiljarju ta’ Sydney fl-Awstralja, Peter Comensole, huwa l-persuna wara l-organizzazzjoni ta’ dan il-pellegrinaġġ nazzjonali ta’ San Franġisk lejn l-Awstralja, liema pellegrinaġġ beda fis-16 ta’ Settembru.

F’kummenti lil Radju Vatikan huwa kkummenta wkoll dwar l-aspettattivi tiegħu f’din is-sena ddedikata lill-evanġelizzazzjoni l-ġdida.