Bħalissa fil-Ħonduras u daqt f’El Salvador, ir-relikwiji ta’ San Ġwann Bosco qed iduru mal-komunitajiet fl-Amerika Ċentrali.  Is-sena 2015 se timmarka l-200 anniversarju mit-twelid tiegħu u bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet, ir-relikwiji ilhom f’dan il-vjaġġ minn Ġunju. San Ġwann hu l-fundatur tas-Salesjani u magħruf għall-ħidma tiegħu maż-żgħażagħ.

Urna tal-ħġieġ b’figura life-size tal-qaddis qed tiġbor ir-relikwiji, li jikkonsistu fl-għadam mill-id il-leminija tiegħu. Din il-figura hi mudell ta’ dik li tinsab fil-Bażilika tal-Madonna, Għajnuna tal-Insara f’Turin fl-Italja, fejn jinsabu l-fdalijiet tal-qaddis. Il-Patri Salesjan Tadeuz Rozmus qal li l-id il-leminija tal-qaddis hi sinifikanti għax biha “huwa kien inbierek lin-nies u kien anki jikteb il-kostituzzjoni Salesjana u ittri kattoliċi, minbarra li kien jaħfer id-dnubiet”.

Ir-relikwiji tal-qaddis għandhom fil-Ħonduras sal-Erbgħa, minn hemm imbagħad jaqbdu triqithom lejn El Salvador.

L-urna kienet diġa f’Costa Rica u ttieħdet ukoll in-Nicaragua. Hemm saret ċerimonja apposta bir-relikwiji bis-sehem tal-President Daniel Ortega u l-Arċisqof irtirat tal-Managua, il-Kardinal Miguel Obando Bravo.

Bejn l-Erbgħa li ġej u l-11 ta’ Settembru r-relikwiji se jiddawru ma’ madwar 30 belt fil-Messiku, imbagħad jittieħdu l-Istati Uniti tal-Amerika. Matul il-pellegrinaġġ ta’ 5 snin, se jkunu ttieħdu f’madwar 130 pajjiż differenti.

MEXICO CITY, JULY 27, 2010 (Zenit.org)