Messaġġ mill-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Xandar tal-Mulej, kun għalina l-mexxej”. Nixtieq l-ewwel nett insellem lil San Duminku, f’għeluq it-tmien mitt sena llum mill-mewt tiegħu, u miegħu lid-Dumnikani kollha, u nuri l-gratitudni tal-Knisja f’Malta għall-ħidma pastorali tad-Dumnikani f’Malta għal tant snin – minn madwar is-sena 1450, l-ewwel fir-Rabat. Min jaf kemm ġid sar permezz tal-ħidma ta’ tant Dumnikani f’Malta! Għalhekk, f’okkażjoni bħal din, meta nitkellmu fuq ir-rwol tad-Dumnikani, l-ewwel sentiment hu dak ta’ gratitudni lil Alla għal dawn is-snin u l-ħidma li saret b’tant ġenerożità u dedikazzjoni f’dawn is-snin.

Fit-tislima li spiss tingħatalu anke f’pajjiżna, lil San Duminku nsejħulu “Xandar tal-Mulej”, b’talba biex ikun il-mexxej. Din hi t-talba li nixtieq nibda biha fir-riflessjoni tiegħi fuq ir-rwol tad-Dumnikani fil-ħidma pastorali tal-Knisja f’Malta.

Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed

Il-Knisja f’Malta, mis-sena li għaddiet, qiegħda fi proċess ta’ tiġdid imniedi mill-Arċisqof ta’ Malta bit-titlu Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed. Il-ħsieb hu li dan ikun proċess li jinkludi lil kulħadd – mhux xi ħaġa biss tal-Arċidjoċesi – imma jinkludi lil kulħadd, fosthom il-kongregazzjonijiet reliġjużi, kif l-Arċisqof indika proprju dakinhar li nieda d-dokument. Għalhekk id-Dumnikani għandhom sehem importanti f’dan il-proċess.

Jien inħeġġiġkom biex taqraw u tapprofondixxu dan id-dokument, bit-taqsimiet differenti tiegħu, u tfittxu li f’sintonija mal-kariżma tagħkom, tagħrfu dejjem aħjar is-sejħa li l-Mulej qed jagħmel lilkom illum.

F’din ir-riflessjoni tiegħi llum, se nieħu biss punti prinċipali minn dan il-proċess u nara r-rwol tad-Dumnikani u l-kontribut li qed jagħtu u li jistgħu jagħtu wkoll. Se nagħmel dan b’rabta wkoll mal-Ittra li Papa Franġisku bagħat lill-Majjistru Ġenerali tal-Ordni tal-Predikaturi fl-24 ta’ Mejju 2021, bl-isem “Praedicator Gratiae”, f’għeluq it-800 sena mill-mewt ta’ San Duminku. F’din l-ittra l-Papa jenfasizza l-fedeltà għall-kariżma u għat-tradizzjoni sabiħa ta’ ħidma fil-Knisja.

Il-laqgħa mal-Mulej

Nibda proprju minn dak li hu fil-bażi tat-tiġdid ekkleżjali: il-laqgħa tagħna mill-ġdid ma’ Kristu. Dan hu li nsibu fil-bidu ta’ dan id-dokument Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed, li hu rifless ta’ dak li l-Papa Franġisku jibda bih fl-Eżortazzjoni Appostolika Il-Ferħ tal-Evanġelju, fejn jagħmel din l-istedina: “Nistieden lil kull Nisrani, huma liema huma l-post u l-qagħda li jinsab fihom, biex iġedded illum stess il-laqgħa personali tiegħu ma’ Ġesù Kristu, jew tal-inqas, biex jieħu d-deċiżjoni li jħalli lilu jiltaqa’ miegħu, li jfittxu bla heda kuljum” (Evangelii gaudium, 3).

Minn fejn nibdew il-ħidma ta’ tiġdid fil-Knisja? Mil-laqgħa personali – kull wieħed u waħda minna – ma’ Ġesù. Intom bir-raġun tħarsu lejn ir-rwol tagħkom speċjali tad-Dumnikani bħala xandara tal-Mulej, bħal San Duminku. Dan jista’ jseħħ b’mod tajjeb jekk ikun frott tal-laqgħa personali ma’ Kristu ħaj. Qabel ma nista’ nxandru, irrid inkun tassew midħla tal-Mulej. Kif jgħid San Duminku: L-ewwel ikkontemplaw, imbagħad għallmu. San Tumas Aquino kien qalha: “contemplare et contemplata aliis tradere”, li baqgħet bħala motto tad-Dumnikani, jiġifieri li int tiltaqa’ ma’ Ġesù permezz tat-talb, tal-kontemplazzjoni, tal-meditazzjoni fuq il-kelma tiegħu, imbagħad dak li tgħaddi jkun frott ta’ dan. Fil-fatt, San Duminku kien ikun spiss ħsiebu f’Alla, jekk ma kienx jitkellem fuq Alla bil-prietki tiegħu, kien jitkellem ma’ Alla fit-talb. Ma kienx jgħaddi mument li ma jaħsibx f’Alla. Hu kienu juri li mingħajr din l-għaqda soda ma’ Alla, il-predikazzjoni tista’ tkun tinħass perfetta, b’ħafna argumenti u saħansitra ta’ min ifaħħarha, imma tibqa’ ma tmissx il-qalb, li hi dik li suppost tibdel. Għalhekk dan hu fil-bażi ta’ dan id-dokument, u jaqbel tant mal-kariżma Dumnikana. Jekk wieħed jistaqsi “minn fejn nibdew?”, nibdew minn hawn. Id-Dumnikani jistgħu jagħtu kontribut kbir billi huma stess ikunu u jgħinu lin-nies għal din il-laqgħa personali ma’ Ġesù.

Id-dixxerniment jista’ jsir bil-qawwa li jagħtina l-Ispirtu s-Santu u bid-dawl li jagħtina hu. Għal dan isejħilna d-dokument Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed illum fil-ħidma pastorali tal-Knisja f’Malta

Id-dokument Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed jieħu l-ġrajja tad-dixxipli ta’ Għemmaws bħala l-ikona speċjali li għandha tkun ta’ ispirazzjoni għall-ħidma pastorali tal-Knisja f’Malta. Dan ir-rakkont jirrappreżenta proprju l-laqgħa tad-dixxipli ma’ Kristu Rxoxt. Id-dixxipli li kienu mxew wara Ġesù kienu mkissrin, diżillużi u beżgħana wara l-esperjenza hekk kerha tal-passjoni u l-mewt tiegħu. Fil-konvinzjoni tagħhom li Ġesù kien mejjet, u li għalhekk kien spiċċa kollox, telqu lura minn Ġerusalemm. Il-komunità bdiet titfarrak, u kulħadd jaħseb għal rasu. Fi triqthom ’l hemm minn Ġerusalemm, Kristu Rxoxt jiltaqa’ magħhom, jakkumpanjahom, jimxi magħhom it-triq kollha – jismagħhom u jistaqsihom u jfissrilhom l-Iskrittura. Iħeġġilhom qalbhom, imbagħad fil-qsim tal-ħobż jagħrfuh, u mbagħad jerġgħu lura Ġerusalemm minn fejn ġew biex iħabbru lil Ġesù u jsiru dixxipli missjunarji. Minn dixxipli diżorjentati jsiru dixxipli missjunarji, u żerriegħa tal-Knisja.

Għalhekk għandna f’dan ir-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws, fil-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt, il-laqgħa li hi tant importanti għal kull Nisrani u Nisranija. Aħna niltaqgħu ma’ Ġesù, mgħobbijin bit-toqol tal-ħajja tagħna, hu jakkumpanjana; imbagħad jgħinna biex meta aħna nisimgħuh, meta nilqgħuh, meta nħalluh jakkumpanjana, nistgħu nsiru dixxipli missjunarji. U għalhekk dawk l-erba’ aspetti li tant jissemmew fid-dokument Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed insibuhom f’dan ir-rakkont. Huma meħudin mill-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku Il-Ferħ tal-Evanġelju, jiġifieri li nkunu Knisja li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja, li toħroġ. Proprju dak li sar f’dan ir-rakkont: dawn in-nies semgħuh, laqgħuh – anzi qalulu “ibqa’ magħna” – Ġesù akkumpanjahom, u għenhom biex joħorġu lura u jsiru xandara tal-Mulej.

Dixxipli missjunarji

Hi dil-laqgħa ma’ Ġesù li tgħinna biex inkunu dixxipli missjunarji. Din l-espressjoni “dixxipli missjuarji” hi espressjoni li jużaha l-Papa Franġisku fl-Ittra li bagħat lill-Majjistru Ġenerali. Fil-ġrajja tad-dixxipli ta’ Għemmaws, dawk id-dixxipli, li ħassewhom għall-bidu mbeżżgħa u mitlufa quddiem il-mewt tiegħu, wara l-laqgħa miegħu jagħtu xhieda tiegħu u xhieda tal-ferħ li ġabet fid-dinja s-salvazzjoni tiegħu. Għalhekk huma jsiru xandara tal-Mulej. Isiru dixxipli missjunarji.

Din hi l-istedina li għamel il-Papa Franġisku lid-Dumnikani, u ċertament li fil-ħidma pastorali tal-Knisja f’Malta għandhom dan ir-rwol importanti: li jkunu dixxipli missjunarji, li tfisser li għandhom missjoni hawn fid-dinja. M’aħniex imsejħin biex naħarbu mid-dinja, imma msejħin biex inkunu fir-realtà tal-lum, f’Malta kif nafuha llum, inkunu dixxipli missjunarji, bħalma San Duminku, fir-realtà ta’ żmienu, għaraf x’hemm bżonn isir biex ikun dixxiplu tal-Mulej.

Kif inkunu dixxipli missjunarji? Qabel xejn bix-xhieda tal-ħajja. Meta ngħidu “ixxandar”, kif ixxandar? F’moħħna dejjem jiġi l-kliem l-ewwel, imma aħna nafu li fil-ħajja Nisranija l-ewwel xandira ssir bix-xhieda. Li tfisser li tgħix dak li tgħallem, li tagħmlu sabiħ, u li mbagħad lil ħadd ma jħalli biered; il-ferħ li tħossok maħbub minn Alla u mbagħad tgħaddi dan lill-oħrajn (ara Evangelii gaudium, 142). Din hi l-isfida prinċipali għalikom bħala xandara tal-Mulej: li xxandru lilu, li twasslu lilu, li titkellmu f’ismu. M’aħniex imsejħin biex inxandru lilna nfusna, biex in-nies norbtuhom magħna, imma biex inwassluhom ħalli jista’ jkollhom din il-laqgħa personali ma’ Ġesù. Hu għalhekk li nwasslu l-kelma fil-qalb tal-bniedem biex tressaqhom lejh. Aħna kollaboraturi ta’ Alla f’ħidma li hi tiegħu, u li trid tibqa’ tiegħu. Għalhekk xandara tal-Mulej. F’dan intom tistgħu tagħtu kontribut importanti ħafna fil-Knisja f’Malta.

Impenn soċjali

Id-dokument Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed isemmi r-rabta mill-qrib li hemm bejn l-evanġelizzazzjoni u d-djakonija. Din hi sfida kbira li għandna fi żminijietna. Intom imsejħin biex tagħtu s-sehem tagħkom f’dan bħala Dumnikani, jiġifieri li x-xandir tal-Aħbar it-Tajba jkun imsieħeb ma’ atti konkreti ta’ mħabba u ta’ impenn soċjali.

Il-verità tal-fidi hi wkoll il-verita li Alla hu mħabba. Nikkwota diskors li l-Papa Franġisku għamel lid-Dumnikani, fejn qal hekk: “Hu l-ġisem ta’ Kristu ħaj u sofferenti li jsejjaħ lill-predikatur u ma jħallihx bi kwietu. L-għajta tal-foqra u tal-esklużi tqajjimna, u hekk nifhmu l-kompassjoni li Ġesù kellu għan-nies (Mt 15:32). Xħin inħarsu madwarna, naraw li l-bniedem tal-lum bil-għatx għal Alla. Huma l-ġisem ħaj ta’ Kristu li jgħajjat: ‘għandi l-għatx’ għal kelma vera u li teħles, għal ġest fratern u mimli ħniena”  (4 ta’ Awwissu 2016).

Din l-għaqda bejn l-imħabba fil-konkret u l-verità hi ispirazzjoni għall-ħidma favur id-dinjità u d-drittijiet ta’ kull bniedem. Fl-ittra tiegħu, il-Papa Franġisku jsemmi l-ħidma ta’ tant Dumnikani favur il-ġustizzja u b’qadi lejn dawk fil-periferiji. Aħna wkoll għandna l-grazzja li meta nħarsu lejn diversi Dumnikani tul is-snin, naraw din il-ħidma ta’ impenn soċjali. San Duminku kien eżempju ta’ dan, meta ried jirritorna għall-faqar u għas-sempliċità li kellha l-komunità Nisranija fil-bidu tagħha.

Intom tafu kemm ġrieħi hawn fi ħdan il-familji u l-komunitajiet tagħna, u f’pajjiżna. Id-dokument Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed isemmi l-ħtieġa ta’ fejqan tal-ġrieħi, fejqan tal-weġgħat f’diversi oqsma fis-soċjetà Maltija.

Għalhekk ir-rowl tad-Dumnikani fil-ħidma pastorali tal-Knisja f’Malta hu wkoll dan l-impenn soċjali li fil-bidu tiegħu għandu r-rispett lejn il-ħajja tal-bniedem mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha u f’kull waqt tagħha, ir-rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna għax kull persuna hi unika, hi irrepetibbli.

Dan l-impenn soċjali tagħkom hu kontribut kbir tant meħteġ fis-soċjetà Maltija llum. Is-sejħa tagħkom Dumnikani llum hi li, imdawlin bit-tradizzjoni tagħkom hekk għanja f’dan il-qasam – jiġifieri impenn soċjali li ħiereġ mil-laqgħa ma’ Ġesù u dak li jfisser Ġesù – imsaħħin minn din it-tradizzjoni, taħdmu favur l-iżvilupp integrali ta’ kull persuna, kif uriena l-Papa Franġisku fl-Enċiklika tiegħu Fratelli tutti. Malta llum teħtieġ xhieda awtentika u l-promozzjoni ta’ dawk il-valuri li verament jibnu l-bniedem u s-soċjetà – l-integrità, l-onestà, il-ġustizzja, xhieda li tagħti t-tama u tkun dawl fid-dlam. Intom ġa għandkom din it-tradizzjoni sabiħa li minnha tistgħu tixorbu bħala għajn li tgħinkom biex intom tagħtu dan il-kontribut fil-ħidma pastorali tal-Knisja f’Malta.

Dixxerniment

Il-Papa Franġisku jsemmi kif San Duminku għex l-ideal tal-fraternità, u fittex ukoll li jkun hemm stil ta’ tmexxija li jgħin biex kulħadd jipparteċipa fil-proċess ta’ dixxerniment u t-teħid ta’ deċiżjonijiet. Hu jsejjaħlu proċess “sinodali” li għen biex l-Ordni Dumnikan jadatta l-ħajja u l-missjoni tiegħu għal kuntesti differenti waqt li jżomm il-komunjoni fraterna.

Dan hu sewwasew dak li l-Knisja f’Malta teħtieġ, u għal dan qed tħeġġeġ ukoll bid-dokument Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed – jiġifieri li nagħmlu mixja sinodali u ta’ dixxerniment. Id-dixxerniment jissemma ħafna f’dan id-dokument għall-Insara kollha, anke għall-kongregazzjonijiet reliġjużi. Dixxerniment ifisser li jkollna dejjem f’qalbna u f’moħħna li nagħrfu dak li Alla jrid minna – personalment, bħala komunità, bħala Ordni Dumnikan, u bħala Knisja. Dak li Alla qed jitlob minna fir-realtà tal-lum. Id-dixxerniment jista’ jsir bil-qawwa li jagħtina l-Ispirtu s-Santu u bid-dawl li jagħtina hu. Għal dan isejħilna d-dokument Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed illum fil-ħidma pastorali tal-Knisja f’Malta, jiġifieri li aħna nagħmlu dan id-dixxerniment biex naraw kif nistgħu ngħixu tassew illum bl-aħjar mod is-sejħa li qed jagħmlilna.

Xhieda ta’ komunjoni

Fid-dawl tal-eżempju ta’ San Duminku, intom Dumnikani msejħin tkunu xhieda ta’ komunjoni fraterna, kemm interna fil-komunitajiet tagħkom, kif ukoll ta’ komunjoni, ta’ għaqda, fil-lokalitajiet fejn taħdmu. Il-Papa Franġisku, fl-Ittra tiegħu, jgħid hekk: “Ix-xhieda tal-fraternità evanġelika, bħala xhieda profetika tal-pjan ta’ Alla fi Kristu għar-rikonċiljazzjoni u l-unità tal-familja umana, tibqa’ element fundamentali fil-Kariżma Dumnikana u pilastru tal-impenn tal-Ordni biex jippromwovi t-tiġdid tal-ħajja Nisranija u t-tixrid tal-Evanġelju fi żmienna.”

Qed ngħidu hawnhekk xi ħaġa li hi bażika għall-Knisja, għax Ġesù, meta kien mad-dixxipli tiegħu fl-Aħħar Ċena, u għamel dik it-talba sabiħa għalihom, l-iktar talba li għamel – għal ħames darbiet jgħid l-istess ħaġa – kienet: “ħa jkunu lkoll ħaġa waħda”. Jgħid: “Kif inti fija, Missier, u jiena fik, ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17:21). Dan li qed jgħid il-Papa: ix-xhieda tal-fraternità evanġelika.

Intom tafu kemm ġrieħi hawn fi ħdan il-familji u l-komunitajiet tagħna, u f’pajjiżna. Id-dokument Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed isemmi l-ħtieġa ta’ fejqan tal-ġrieħi, fejqan tal-weġgħat f’diversi oqsma fis-soċjetà Maltija. Xi wħud ilhom is-snin, u wara snin hemm min għadu jġorr il-feriti. Oħrajn jinbtu maż-żmien. Is-sejħa lilna lkoll, u s-sejħa fi kliem il-Papa għall-Ordni Dumnikan, hu biex tagħtu xhieda ta’ fraternità, u biex taħdmu għall-fejqan ta’ dawn il-ġrieħi u l-weġgħat.

Nitlobkom biex tieħdu b’impenn dan il-fejqan, li tant jaqbel mal-ispirtu ta’ San Duminku. Meta taħseb f’San Duminku, tant ħadem b’dan l-ispirtu ta’ Ġesù! Għalhekk naħdmu biex kull fejn hemm il-piki, il-konflitti, il-firdiet, għal ħaġa jew oħra – tista’ tkun fis-soċjetà, jew fil-lokalità, jew ukoll f’affarijiet reliġjużi kultant – nistedinkom biex taħdmu ħalli ma ssib ebda Dumnikan wara dawn il-piki, il-konflitti u l-firdiet. Anzi l-kontra, li ssib id-Dumnikani, fuq l-eżempju ta’ San Duminku, bħala sinjal ta’ għaqda, rikonċiljazzjoni u ta’ apprezzament pożittiv tal-oħrajn. Tindunaw li meta jkollna dan l-ispirtu, bħalma naraw fix-xhieda ta’ diversi nies, nibdlu għall-aħjar fejn inkunu, u nagħmlu l-ġid tassew li jrid minna Ġesù u kif jagħtina l-eżempju San Duminku.

Fidi u raġuni

Nixtieq insemmi wkoll l-appostolat intellettwali tad-Dumnikani, karatteristika tal-Ordni mill-bidu tiegħu, li hu importanti ħafna fil-ħidma tal-Knisja f’Malta llum. Id-Dumnikani magħrufin għall-għerf li jingħaqad mal-qdusija. Id-Dumnikani dejjem taw kontribut sod fil-ħidma teoloġika u fil-formazzjoni teoloġika mibnija fuq l-Iskrittura – u nafu li San Duminku fix-xbihat tiegħu dejjem għandu l-Iskrittura f’idejh – u fuq ir-rabta bejn il-fidi u r-raġuni. Dan il-kontribut jidher ukoll fil-pubblikazzjonijiet tagħkom, fil-media soċjali, kif ukoll bil-preżenza fil-qasam edukattiv u fil-kultura.

Fil-qasam edukattiv, intom illum tistgħu tagħtu kontribut billi turu x’jiġfieri tgħix l-ethos Kattoliku – dak li juri l-identità tagħna bħala Kattoliċi – u tgħixu b’mod kreattiv imma wkoll b’fedeltà. F’soċjetà fejn kultant ikun hawn min irid jaħbi l-identità Kattolika, għax jaħseb li aħjar toħloq xi torta b’ingredjenti differenti li jitħalltu u jitħawdu ma’ xulxin, intom tistgħu turu kif li tkun Kattoliku jagħmlek iktar fil-qalba tas-soċjetà, aktar qrib il-bniedem – mhux jaqtgħek mill-bniedem – iktar inklussiv u ma teskludi lil ħadd, u iktar miftuħ għall-oħrajn. Dan kontribut kbir fil-qasam tal-edukazzjoni.

Nixtieq nagħmel enfasi speċjali fuq ir-rabta bejn il-fidi u r-raġuni. Fi kliem il-Papa Ġwanni Pawlu II, fid-daħla tal-Enċiklika tiegħu Fides et ratioFidi u raġuni “qishom iż-żewġ ġwienaħ li bihom l-ispirtu tal-bniedem jogħla biex jikkontempla l-verità. Hu Alla nnifsu li nissel fil-bniedem ix-xewqa għall-għarfien tal-verità, u fl-aħħar mill-aħħar għall-għarfien ta’ Alla wkoll, biex hu u jagħraf li Alla jħobbu, u jasal ukoll għall-verità sħiħa tiegħu nnifsu.”  Intom f’dan diġà tajtu kontribut tajjeb ħafna tul is-snin, u dan hu suġġett tassew attwali. Kultant hawn min iqiegħed il-fidi u r-raġuni kontra xulxin, b’mod żbaljat, anke nies tal-Knisja; u jagħmlu żball! Il-fidi qatt mhi kontra r-raġuni. Ġieli tmur lil hinn mir-raġuni, imma qatt kontra. It-tnejn jimxu flimkien, u għandna bżonn li f’diversi kwistjonijiet li jqumu fis-soċjetà, nagħrfu li l-fidi tgħinna biex nirraġunaw aktar, mhux inqas. Intom bħala Dumnikani għandkom il-formazzjoni neċessarja biex f’dan il-qasam tagħtu kontribut validu ħafna fil-ħidma pastorali tal-Knisja f’Malta.

Konklużjoni

Ħadt punti partikulari mid-dokument ta’ tiġdid għall-Knisja f’Malta – punti li fihom id-Dumnikani taw kontribut, qegħdin jagħtu, u jistgħu jkomplu jagħtu kontribut fihom. Nixtieq nirringrazzjakom, għeżież Dumnikani, għar-rwol tagħkom fil-ħidma pastorali li għal tant snin għamlitu u qed tagħmlu fil-Knisja f’Malta – patrijiet, sorijiet, lajċi ispirati mill-ispiritwalità Dumnikana – f’tant oqsma differenti. Inħeġġiġkom biex iġġeddu dan l-impenn, fid-dawl tal-proċess ta’ tiġdid li l-Knisja f’Malta qiegħda fih, ħalli ssaħħu l-kontribut tagħkom fil-ġejjieni.

Għandkom kontribut pożittiv miġbur f’dawk it-tliet kelmiet “laudare, benedicere, praedicare”, u dawn ġa juru x’kontribut sabiħ u pożittiv li intom tagħtu u għandkom tkomplu tagħtu lill-Knisja f’Malta u lis-soċjetà Maltija.

Nitlob li dejjem tħarsu lejn San Duminku biex ikun tassew hu li jiggwidakom f’ħidma mġedda u ta’ ġid fil-Knisja f’Malta fis-snin li ġejjin. L-eżempju tiegħu hu stimolu biex taffaċċjaw il-futur b’tama, għaliex nafu li Alla għandu l-qawwa li jġedded kollox. Għalhekk inħeġġiġkom biex tkomplu titolbuh ta’ spiss: “Xandar tal-Mulej, kun għalina l-mexxej”.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju