Il-Kardinal Tarcisio Bertone, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, tkellem dwar l-importanza tal-iskejjel fejn id-dimensjoni reliġjuża tista’ timmanifesta ruħha bħala potenzjal pożittiv mill-iktar essenzjali għall-iżvilupp uman sħiħ.
Meta nhar il-Ħadd li għadda kien qed jirrappreżenta lill-Papa Benedittu XVI fiċ-ċerimonja ta’ beatifikazzjoni ta’ Antonia Maria Verna, li saret fil-katidral Taljan ta’ Ivrea, Mons Bertone, fl-omelija, fisser li ħafna drabi. Ċertu nies jibżgħu iħallu spazju lid-dimensjoni reliġjuża fil-ħajja tagħhom, xi ħaġa mill-iktar bażika għall-bniedem. Minflok jippreferu jostru din id-dimensjoni fihom infushom, attitudni li ddgħajjef l-attivita edukattiva tal-bniedem.
Għadda biex il-messaġġ tiegħu isaħħu bil-messaġġ li kienet twassal Madre Verna li “kienet tistieden lill-individwu biex ma jibżax jeduka lill-bniedem quddiem l-għażliet li Ġesu jpoġġi quddiem il-Knisja”. Qal li Madre Verna kienet pijunier fl-edukazzjoni tal-familja, u ħadmet qatigħ għall-promozzjoni awtentika tan-nisa fis-soċjeta.
“B’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet ċivili fi żmienha, Madre Antonia irsistiet għal edukazzjoni li tilħaq firxa wiesgħa ta’ tfal u tgħinhom jiżviluppaw kull dimensjoni tal-personalita tagħhom”, kompla.
Il-Kardinal Bertone ma naqasx lanqas milli jsemmi l-għadd ta’ skejjel primarji u sekondarji li waqqfet Antonia Maria Verna flimkien mal-Kongregazzjoni tagħha – l-Istitut tas-Sorijiet tal-Karita tal-Immakulata Kunċizzjoni.
Fi kliem il-Kardinal Bertone, “dan l-impenn tagħha jħeġġeġ lilna llum iktar minn qatt qabel biex inqisu ir-rwol ta’ tali istituzzjonijiet fis-settur edukattiv tal-pajjiż bħala fattur li jarrikkixxi s-sistema edukattiva tal-pajjiż. Skejjel imwaqqfa u mmexxija mis-Sorijiet tal-Karita fl-Ewropa, l-Amerika, il-Lvant Nofsani u l-Afrika, kienu b’saħħithom biżżejjed li raddew lis-soċjeta għalliema li kienu u jibqgħu jkunu edukaturi veri li s-sehem tagħhom għall-iżvilupp kulturali u soċjali ta’ pajjiżhom jibqa’ jkun diffiċli biex xi ħadd jevalwah u fl-istess waqt ma jista’ qatt jintesa għall-frott kbir li qed iħalli”.
Sadattant, l-Erbgħa 5 t’Ottubru, tfakkar bħal kull sena il-Jum Dinji ddedikat lill-għalliema.