“Fl-aħħar ftit snin, l-isforzi tagħna li nsalvaw l-art li ngħixu fuqha ma ħallietx wisq frott. Għal din ir-raġuni hu importanti li l-Knisja tgħallem lil kulħadd kif jikkontribwixxi għall-protezzjoni tal-ambjent”, qal l-Arċisqof tad-djoċesi ta’ Cashel & Emly, Mons Dermot Clifford, kif ħabbar l-ittra pastorali tal-Isqfijiet Irlandiżi dwar l-ambjent.

Id-dokument intitolat “The cry of the earth” – “Il-bikja tal-art” għandu jkun ippublikat t-Tlieta 10 ta’ Novembru u se jkun aċċessibbli fil-parroċċi bl-Ingliż, bl-Irlandiż u bil-Pollakk, akkumpanjat b’riflessjoni fuq l-istess suġġett f’format ta’ DVD. Il-materjal se jkun ukoll ippubblikatfuq is-sit tal-Konferenza Episkopali. Intervista ma’ John Sweeney, direttur tal-Unit ta’ riċerka u analiżi tal-klima fl-Universita Nazzjonali ta’ Maynooth, ukoll se tkun ippubblikata fuq is-sit.

“Aħna m’aħniex xjentisti – spjega Mons Clifford – li hi r-raġuni għalfejn l-ewwel parti tad-dokument inkitbet minn żewġ xjentisti. Fit-tieni parti, aħna l-isqfijiet nispjegaw dak li kulħadd jista’ jagħmel, minn riċiklaġġ ta’ ilma li ma jinħelhiex, għal tnaqqis tal-użu ta’ heaters – kollha miżuri li jgħinu biex wieħed jiffranka, miżuri importanti ħafna f’dan iż-żmien ta’ riċessjoni. L-Arċisqof żied li jittama li d-dokument se jinqara u jqajjem diskussjoni, bil-ħsieb ukoll li wieħed jifhem aħjar lill-qaddis San Franġisk li kellu mħabba kbira għall-ħolqien.