Wara snin ta’ xogħol metikoluż ta’ restawr, ġiet inawgurata l‑faċċata tal‑Palazz tal‑Arċisqof fil‑Belt Valletta. Dan sar b’investiment ta’ €225,000, b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal‑Unjoni Ewropea. Il‑kumplament tal‑proġett sar b’fondi tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta. Dan ix-xogħol ġie inawgurat illum mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, li huwa responsabbli mill-fondi Ewropej. Preżenti wkoll is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross, kif ukoll ir-restawraturi u l-kuraturi tal-palazz.
Matul is‑snin, il‑Palazz tal‑Arċisqof, li hu bini ta’ Grad 1, ġarrab ħsarat strutturali, kif ukoll ħsarat fl‑arkitettura tal‑faċċata, bil‑kawża prinċipali tkun it‑tniġġis tal‑arja kawża tat‑traffiku f’dawn l-inħawi. Waqt il‑proċess ta’ restawr tneħħew oġġetti żejda li kienu mwaħħla mal‑faċċata, tnaddfu l‑ġebla u l‑konkos, u nbidel xi ġebel.
L‑Isqof Joseph Galea‑Curmi qal li hu ta’ sodisfazzjon li llum qed jiġi inawgurat ir‑restawr tal‑faċċata ta’ dan il-palazz, bini li għandu valur kbir storiku fil‑belt kapitali tagħna. L‑Isqof qal li l‑Knisja f’Malta għandha għal qalbha l‑patrimonju kulturali u reliġjuż u tfittex bis‑sħiħ li tgħożżu u tħarsu u sostna li dan hu impenn kostanti, kif jixhdu għadd ta’ proġetti li saru matul is-snin. L‑Isqof Galea‑Curmi qal ukoll, “Jalla okkażjoni bħal din tgħinna napprezzaw dak li hu espressjoni ta’ ġmiel, u tkun ta’ inkoraġġiment biex dejjem nagħrfu niddistingwu bejn dak li jsebbaħ u dak li jkerrah, li minnu m’aħniex neqsin ukoll. L‑għażla tagħna għandha tkun favur dak li hu għall‑ġid komuni, għax iservi ta’ ġid għal kulħadd illum u għall‑ġenerazzjonijiet futuri.”
Fil‑kummenti tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Chris faħħar il-ħidma bejn l-Arċidjoċesi ta’ Malta u d-dipartimenti li jamministraw il-fondi Ewropej, li qed twassal sabiex jiġu ppreżervati numru ta’ binjiet storiċi u kulturali madwar Malta u Għawdex, li ħafna minnhom huma proprjetajiet tal-Knisja. Dr Fearne fakkar li inizjattivi ta’ restawr li jiffurmaw parti minn proġetti bħall-Heritage Trail, li huma possibbli permezz ta’ dawn il-fondi Ewropej, mhux biss iżewqu l-patrimonju kulturali Malti, iżda jżidu wkoll il-valur turistiku tal-pajjiż.
Waqt l‑inawgurazzjoni, is‑Sur Michael Pace Ross ħabbar li l‑fażi li jmiss ta’ dan il‑proġett se tkun li titwaħħal sistema ġdida ta’ dawl sabiex il‑pubbliku jkun jista’ japprezza s‑sbuħija tal‑faċċata anke wara nżul ix‑xemx. Hu rringrazzja lil Agius Stone Works u lil EMCS għall‑ħidma tagħhom fil‑proġett tar‑restawr tal‑faċċata.
Il‑Palazz tal‑Arċisqof imur lura għas‑seklu 17 u jinsab fin‑naħa t’isfel ta’ Triq l‑Arċisqof qrib Misraħ l‑Indipendenza. Kien inbena bħala residenza tal‑ewwel Isqof Malti Baldassare Cagliares, fuq disinn ta’ Tommaso Dingli. Il‑palazz kien il‑post fejn issir l‑amministrazzjoni tad‑Djoċesi ta’ Malta u kien hemm ukoll l‑arkivji tagħha. Is‑sular ta’ fuq tal‑palazz kien tlesta waqt l‑episkopat tal‑Arċisqof Mikiel Gonzi, li kien jużah bħala r‑residenza tiegħu. Fl‑1977, il‑Kurja mxiet mill‑Palazz tal‑Arċisqof għal Casa Manresa fil‑Furjana.
Preżentament, il‑Palazz tal‑Arċisqof jilqa’ fih it‑Tribunal Ekkleżjastiku. Fis‑swali tal‑palazz hemm kollezzjoni ta’ pitturi u skulturi, inkluż ritratt ta’ Alpheran de Bussan, impitter minn Francesco Zahra. Fil‑palazz hemm ukoll ġnien pittoresk u uniku tad‑daqs tiegħu fil‑qalba tal‑Belt. Fl‑għerien ta’ taħt l‑art tal‑palazz għaddejja nixxiegħa naturali li ilha minn qabel ma nbniet il‑Belt Valletta.