Ġie inawgurat proġett ta’ restawr li sar fuq sett ta’ seba’ pitturi li jinsabu fl-Oratorju tal-Konfraternità tal-Madonna tal-Karità. Din il-Konfraternità hi eretta fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu tal-Belt Valletta.

L-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett saret il-Ġimgħa 27 ta’ Mejju, mill-Arċisqof Charles Scicluna, fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna tal-Karità. Dakinhar l-Arċisqof Scicluna qaddes quddiesa solenni fil-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu.

Is-seba’ kwadri li ġew irrestawrati minn PrevArti, jikkonsistu f’sitt kwadri ta’ Giuseppe d’Arena li jinsabu mwaħħlin mal-ħitan tal-Oratorju u t-titular tal-Oratorju li jirrappreżenta l-ġrajja tat-Tieġ ta’ Kana.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li l-Knisja f’Malta hi impenjata li tħares il-patrimonju artistiku u reliġjuż li tħalla minn dawk li ġew qabilna u li kien espressjoni ta’ fidi ħajja. Hu qal li llum wieħed għandu r-responsabbiltà biex japprezza u jieħu ħsieb il-patrimonju straordinarju ta’ dawn il-gżejjer biex ikunu jistgħu jgawduh ġenerazzjonijiet futuri u jkunu jistgħu jagħrfu u jgħożżu s-sbuħija tal-identità tagħhom bħala Maltin.

Il-Gvernatur Alfred Paul Farrugia qal li minn meta twaqqfet fl-1610, il-Konfraternità qatt ma waqfet taqdi l-għan ewlieni li jagħtiha isimha, jiġifieri li tagħti l-għajnuna meħtieġa lil min hu fil-bżonn. “Il-Konfraternità llum għadha attiva fil-kamp tad-Djakonija billi tgħin familji direttament, inkella permezz ta’ għaqdiet u soċjetajiet li jagħtu servizz umanitarju,” innota l-Gvernatur.

L-Arċipriet tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu David J. Cilia feraħ lill-Konfraternità tal-Karità u l-membri tagħha għat-twettiq ta’ dan il-proġett. Qal li, filwaqt li d-dover hu li wieħed jibqa’ jieħu ħsieb il-wirt kulturali u artistiku tal-knejjes fil-Gżejjer Maltin, innota b’sodisfazzjon li l-Konfraternità twettaq xogħol kbir ieħor biex tkompli tgħin permezz ta’ opri ta’ karità lil dawk li l-iktar jeħtieġu l-għajnuna, kemm fil-parroċċa lil hinn.

Waqt din iċ-ċerimonja, l-Arċisqof ġie ppreżentat ukoll b’kopja ta’ inventarju ġdid li ġie konkluż wara proċess metikoluż mid-ditta Curatorial Studio, li fih jiġbor il-proprjetà kollha mobbli u immobbli tal-Konfraternità.

Il-proġett tar-restawr sewa €45,000 u kellu sostenn finanzjarju parzjali mill-APS Bank.

Tagħrif dwar il-pitturi

Il-kwadru titulari tal-Oratorju jirrapreżenta l-ġrajja tat-Tieġ ta’ Kana. Dan il-kwadru tpitter minn Stefano Erardi. Madankollu, jidher li maż-żmien dan il-kwadru ġie rtukkat severament minħabba danni li ġarrab matul iż-żminijiet u għalhekk l-istil oriġinali ġie, b’mod estensiv, alterat.

Ta’ importanza artistika kbira huma s-sitt kwadri tal-ġnub, xogħol l-imgħallem Giuseppe D’Arena (c. 1633-1719), aljiev ta’ Mattia Preti. Is-suġġetti f’dawn il-kwadri juru ħames episodji mill-Antik Testment u parabbola ta’ Kristu magħżula apposta biex jirrappreżentaw sitt opri ta’ karità.

Fuq ix-xellug minn fuq l-artal lejn il-bieb prinċipali nsibu: l-Armla ta’ Sarefta tagħti l-ħobż lill-Profeta Elija; Ġuda l-Makabew jidfen il-mejtin; is-Sultan Eżekija mfejjaq mill-Profeta Iżaija. Fuq il-lemin hemm Danjel jinterpreta l-ħolma lil Nebuchadnezzar, l-Iben il-Ħali milqugħ u mlibbes minn missieru; u Abram jilqa’ f’dahru tliet anġli fejn jistedinhom biex jieklu u jixorbu miegħu.

Dawn il-kwadri saru fil-bidu tas-seklu 18. Fihom naraw id tajba speċjalment fl-immudellar tal-figuri u indipendenza mill-istil Pretjan fejn juri ċar li D’Arena kien ifforma stil uniku. Influwenza partikolari hi dik tal-pittur Ruman, Guercino (1591-1666), speċjalment f’Ġuda l-Makabew jidfen il-mejtin fejn il-figuri huma meħuda direttament mill-kwadru tal-Guercino intitolat ‘Id-difna ta’ Santa Petronilla’ li jinsab fil-mużewijiet Kapitolini f’Ruma.

L-Oratorju tal-Madonna tal-Karità nbena ftit wara t-twaqqif tal-Konfraternità tal-Karità fi ħdan il-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu f’Mejju 1611.

Sors: Newsbook.com.mt