Tlesta l‑proġett ta’ konservazzjoni u restawr tal‑pitturi li jinsabu mas‑saqaf tal‑kappella ddedikata lil Sant’Antnin fil‑Bażilika Minuri ta’ San Pawl fir‑Rabat. Ix‑xogħol ta’ restawr, li ammonta għal madwar €80,000 b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal‑Unjoni Ewropea, ġie inawgurat dalgħodu mill‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi u mis‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi. Preżenti wkoll is‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross u l‑Arċipriet Kan. Louis Suban.

Waqt il‑konferenza tal‑aħbarijiet ġie spjegat li l‑pitturi tal‑artist Taljan Eliodoro Coccoli, mal‑medda tas‑snin ġarrbu diversi ħsarat minħabba ilma tax‑xita li daħal mis‑saqaf tal‑knisja. Kien għalhekk li kien hemm bżonn isir restawr urġenti sabiex jiġu kkonservati l‑pitturi li ġew impittra fuq it‑tila u fuq il‑ħajt madwar 90 sena ilu. L‑opri tal‑arti ta’ Eliodoro Coccoli f’din il‑knisja għandhom valur storiku anke għaliex x‑xogħlijiet tiegħu f’Malta huma pjuttost rari.

L‑Isqof Joseph Galea‑Curmi qal li mhuwiex biss il‑poplu tar‑Rabat li qed igawdi minn dan il‑proġett ta’ restawr imma hi l‑Knisja kollha f’Malta u s‑soċjetà Maltija. Dan għaliex “din il‑ħidma ta’ restawr turi li aħna nieħdu b’responsabbiltà d‑dmir li għandna li dak li hu sabiħ mhux biss ngħożżuh u nħarsuh għalina imma wkoll għall‑ġenerazzjonijiet futuri”. L‑Isqof Awżiljarju appella biex f’kull ħidma tagħna dejjem ikollna f’qalbna wkoll lil dawk li għad jiġu warajna u li lilhom irridu nħallu dak li hu sabiħ. L‑Isqof irringrazzja lill‑Arċipriet il‑Kan. Louis Suban tal‑ħidma tiegħu u lir‑Rabtin għall‑kontribut tagħhom flimkien mal‑għajnuna sostanzjali tal‑fondi mill‑Unjoni Ewropea.

Is‑Segretarju Parlamentari għall‑Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dan il‑proġett huwa parti minn proġett ferm akbar, fejn qed issir konservazzjoni, protezzjoni u promozzjoni tal‑wirt kulturali reliġjuż madwar il‑gżejjer Maltin. Huwa saħaq li permezz ta’ proġetti bħal dawn qed inkomplu nsaħħu l‑prodott turistiku tal‑gżejjer Maltin, hekk kif skont studju li sar, madwar 70.6% tat‑turisti li ġew Malta f’2015 żaru r‑Rabat u l‑Imdina. Is‑Segretarju Parlamentari kkonkluda billi qal li l‑użu ta’ dawn il‑fondi Ewropej qed ikollhom effett doppju, kemm għan‑nies tal‑lokal li jkunu jistgħu japprezzaw is‑sbuħija tal‑knejjes tagħna iżda wkoll għat‑turist ta’ kwalità li jiġi jżur pajjiżna għall‑wirt storiku u reliġjuż li Malta hi mogħnija bih.

Michael Pace Ross qal li dan huwa l‑ħames proġett li sar mill‑Fondazzjoni għall‑Patrimonju Kulturali tal‑Arċidjocesi ta’ Malta bil‑għajnuna ta’ fondi Ewropej, wara dawk tal‑Bidnija, l‑Imdina, il‑Mosta u Ħal Balzan. Huwa rringrazzja lis‑Segretarju Parlamentari l‑Onor. Stefan Zrinzo Azzopardi u lill‑kumpanija ReCoop li ħadmu fuq dan il‑proġett.

Il‑Bażilika Minuri ta’ San Pawl fir‑Rabat, li nbniet madwar 330 sena ilu, hi waħda mill‑knejjes f’Malta li bbenefikat mill‑Fond Ewropew għall‑Iżvilupp Reġjonali 2014‑2020.


Messaġġ mill-Isqof Joseph Galea-Curmi

Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li ħadmu fuq dan ix-xogħol ta’ restawr u konservazzjoni. Nirringrazzja lill-Arċipriet Kanonku Louis Suban u l-Kapitlu tal-Kolleġġjata, flimkien mal-poplu tar-Rabat li ta s-sehem tiegħu; kif ukoll lis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej – fondi li tant kienu importanti għal din il-ħidma li saret; lil Recoop Ltd, lill-EMCS u lill-Fondazzjoni għall-Patrimonju Kulturali Kattoliku tal-Arċidjoċesi, u lil dawk kollha involuti b’mod professjonali f’din il-ħidma.

Meta nagħmlu ħidma bħal din li saret, hi ta’ ġid għall-poplu tar-Rabat u għall-komunità parrokkjali tar-Rabat, imma wkoll ta’ ġid għall-Knisja kollha f’Malta u s-soċjetà Maltija.  Meta nieħdu ħsieb il-wirt artistiku, kulturali u reliġjuż, qegħdin nagħtu messaġġ importanti li dak li hu sabiħ aħna rridu nħarsuh u nipproteġuh, u dak li hu sabiħ jiswa ħafna għall-bini tas-soċjetà. Għalhekk qed nagħmlu xi ħaġa tassew ta’ valur.

Hi ta’ valur għal-lum u wkoll ta’ valur kbir għall-ġenerazzjonijiet futuri. Il-messaġġ hu li rridu ngħaddu lil ta’ warajna dak li hu sabiħ, u l-apprezzament ta’ dak li hu sabiħ. Għalhekk nixtieq nuri l-apprezzament tal-Knisja għal din il-ħidma li ssir li qed tgħin lis-soċjetà Maltija kollha – mhux biss komunità lokali – u qed issir ukoll b’kollaborazzjoni siewja flimkien li hi ta’ ġid kbir.

Nirringrazzja lil kull min b’xi mod jew ieħor ta sehmu biex isir dan ir-restawr, li jkompli jsebbaħ din il-Bażilka Minuri ta’ San Pawl, li diġà għandha storja kbira u sabiħa, u li għandna dejjem inħarsuha.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju