-
-
L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna -
Il-Knisja Parrokkjali, Burmarrad
25 ta’ Awwissu 2018“Min jiflaħ jisimgħu?” (Ġw 6:60) Anke aħna quddiem il-kliem ta’ Ġesù kultant inħossu l-isfida li mhijiex faċli biex timxi wara l-Imgħallem. Il-Mulej jirrispetta l-libertà tagħna, jafna, jaf id-dgħufija tagħna, jagħdirna u jħenn għalina. Uħud ma felħux għall-kliem ta’ Ġesù u telqu (ara Ġw 6:66). Ħin minnhom idur lejn id-dixxipli l-oħra u jagħmlilhom din id-domanda li fiha għażla: “Tridux titilqu intom ukoll?” (Ġw 6:67).
Mhux qed ikeċċihom, mhux qed jgħidilhom bil-herra li ma jimpurtahx minn dak li qed jaħsbu imma qed jagħmlilhom għażla. Qed jgħidilhom: ‘Warajja tiġux bilfors, naf li diffiċli tiġu warajja imma għamlu l-qalb, se ngħinkom, ejjew għax tridu intom’.
L-imħabba mhijiex bilfors għax jekk hi bilfors mhijiex imħabba.
Bħalma għamiltu intom, għeżież ġenituri, li llum ġibtu ’l uliedkom hawnhekk għax ridtu, il-Mulej jgħinkom trawmu lil uliedkom b’din il-libertà, tgħallmuhom li biex tħobb trid tkun liberu. Dan hu r-riskju li ħa magħna Alla. Ried li aħna nkunu nistgħu nħobbu u nħobbuh imma kien jaf li biex nkunu nistgħu nagħmlu dan, irridu nkunu liberi: tista’ tagħżel lil min tħobb, u lil min ma tħobbx, għax l-imħabba mhijiex bilfors. Jekk tkun bilfors mhijiex imħabba. Mhux qed ngħid għall-fedeltà; meta tagħti kelma mbagħad trid iżżommha. Imma l-imħabba mhijiex bilfors għax jekk hi bilfors mhijiex imħabba.
Alla jirriskja magħna u rriskja billi ħalliena liberi nitilqu: “Tridux titilqu intom ukoll?” Intom liberi li titilqu. Ovvjament qed jgħidilna li l-kliem tiegħu huma spirtu u ħajja; jekk aħna nġeddu t-toqol tal-Kelma tiegħu, hu se jgħinna għax hu ta’ qalb ħelwa u umli.
U Xmun Pietru jirrispondi f’isimna: “Mulej, għand min immorru” (Ġw 6:68). Kemm hi ħaġa sabiħa li fil-mumenti diffiċli niftakru f’din il-kelma ta’ Pietru li qed tingħata f’isimna lkoll. “Mulej, għand min tridna mmorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:68). Il-Kelma tiegħek (tal-Mulej), anke meta hija iebsa, tagħti sens lill-ħajja. Wara l-Kelma tiegħek hemm il-paċi; meta nimxu fuq il-Kelma tiegħek, nimxu ta’ nies. “Għand min tridna mmorru? … Aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla” (Ġw 6, 68-69).
Din hija l-fidi, li intom, għeżież ġenituri u parrini, se tistqarru minn hawn u ftit ieħor f’isem Yan u Luke. Intom se tiċħdu lix-Xitan f’isimhom u f’isimhom se tħaddnu lil Alla li huwa mħabba. Meta mbagħad jekk Alla jrid jgħaddu għall-Griżma, ta’ tnax-il sena, huma se jġeddu dak li llum intom qed tagħmlu għalihom; għax dak huwa l-mument tal-Griżma tal-Isqof meta ż-żgħażagħ iġeddu dak li jkunu għamlu l-ġenituri tagħhom. Intom se trabbuhom u qed tirrispettaw il-libertà tagħhom għaliex tixtiqulhom l-aqwa ġid. ’Il quddiem se jkollhom il-libertà u lill-Mulej jgħidulu biex jistenna, u hu jibqa’ jistenna, bħalma jagħmel magħna. Imma bħalma intom, meta jibku għax għandhom il-ġuħ titimgħuhom, ma tgħidulhomx: ‘Issa stenna sakemm tikber imbagħad għażel inti liema ikel trid’. Le! Lil ibnek tagħtih dak kollu li għandu bżonn. Aħna qegħdin f’komunità, kelma sabiħa li qal il-Kappillan Fr Christian hu u jilqagħkom, laqagħkom f’din ix-xirka ta’ fidi u f’din il-komunità ta’ mħabba.
Jiena llum nixtieq nirringrazzja f’isimkom, f’isem il-Knisja f’Malta, lil Fr Christian ta’ dak kollu li għamel ma’ din il-komunità. Jingħad ħafna diskors imma aħna rridu nagħdru lil xulxin, nifhmu lil xulxin, u napprezzaw ir-rieda tajba ta’ xulxin. Jiena llum qiegħed hawn peress li qed noqgħod San Pawl il-Baħar u għedt lill-Kappillan biex niġi nsellem lill-komunità u nuri pubblikament l-apprezzament u s-sapport tiegħi bħala isqof mal-kappillan tagħkom.
Aħna qegħdin hawn biex nissapportjaw lil xulxin.
U jiena nixtieq ukoll naħdem magħkom biex nissapportjawh ħalli ’l quddiem inkomplu nimxu flimkien. Tajjeb li niddjalogaw għax il-qalb muġugħa tgħid ajma—jekk ikollok widna jew sinna tuġgħek, ma toqgħodx bl-uġigħ, ma tistax ma tgħidx ‘ajma’ għax toħroġ bla ma trid—imma aħna qegħdin hawn biex nissapportjaw lil xulxin.
Jiena nixtieq ukoll f’isem il-kappillan nilqagħkom f’din il-familja ta’ Ġesù. Bil-pass li qegħdin tagħmlu, għeżież ġenituri, mingħajr ħafna diskors intom lill-Mulej qed tgħidulu: “Mulej, għand min tridna mmorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6:68). Lilek nafdawlek il-frott ta’ mħabbitna.
✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta