L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Fl-Evanġelju tal-lum Ġesù jibda minn żewġ fatti li ġraw fi żmienu. Wieħed minnhom kien att vjolenti ħafna, traġiku, abbuż kbir ta’ poter: Pilatu li joqtol diversi Lhud mill-Galilija li kienu qegħdin joffru s-sagrifiċċju, xi ħaġa li forsi ma għoġbitux u b’risposta qatilhom u kif jgħid Ġesù din l-espressjoni qawwija ħafna: “ħallat demmhom mal-vittmi tas-sagrifiċċji tagħhom” (Lq 13:1).

Il-mistoqsija ta’ Ġesù hi mistoqsija li jagħmel ukoll lilna: “Taħsbu intom li dawn kien jistħoqqilhom din il-mewta kiefra, dan it-tmiem krudili? Forsi kienu iżjed midinbin,” jgħid, “mill-Galilin l-oħrajn?” (ara Lq 13:2,4).

U did-darba jagħti eżempju ieħor mhux ta’ att vjolenti li ġej mir-rieda kiefra tal-bnedmin. Bħalissa tiftaħ l-aħbarijiet fuq liema mezz tax-xandir ikun, u tara dawk l-immaġini, xeni ta’ qsim il-qalb ta’ vjolenza, distruzzjoni li ġejja mir-rieda tal-bnedmin. Misteru kbir ta’ kefrija, kważi ta’ ġenn għall-poter.

Imma t-tieni eżempju li jġib Ġesù hu ta’ torri: it-Torri ta’ Silwam li waqa’ fuq 18-il persuna innoċenti u mietu. Ma waqax b’xi att krudili ta’ xi ħadd imma dawn il-persuni, kif inħobbu ngħidu, kienu fil-mument żbaljat, fil-post żbaljat. U jerġa’ jistaqsi Ġesù: “Taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta’ Ġerusalemm?” (Lq 13:2). 

Aħna meta jiġrilna xi ħaġa tal-għawġ, ħafna drabi ngergru mal-Mulej u ngħidu: ‘Iva lili, Sinjur, nagħmel tant karità? Qatt m’għamilt żball jew qatt ma għamilt ħsara lil ħadd?’ Donnu meta jiġri xi ħaġa fuqek qisu kastig jew rigal għax inti tajjeb jew twajba! Il-Mulej ma jirraġunax hekk għax kieku lil Ibnu m’għaddiehx mill-passjoni ħarxa li għaddieh minnha, hu li kien innoċenti.

Imma l-punt ta’ Ġesù hu li l-ħajja tagħna, sabiħa kemm hi sabiħa, se tispiċċa u taf ukoll tispiċċa ħesrem. Aħna kuljum nisimgħu b’xi ħadd, għażiż u mhuwiex, li filli qed isellem lil tal-familja tiegħu u filli ma tarahx iżjed. U l-Mulej jgħid: “Dawk li nqatlu minn Pilatu kellhom mewta ħarxa, krudili u ta’ malajr, vjolenti; dawk li waqa’ fuqhom it-Torri ta’ Silwam l-istess. Jiġrilkom l-istess jekk intom ma tindmux” (ara Lq 13:3-5). Trid tipprepara ruħek għal-laqgħa tiegħek mal-Mulej. It-tentazzjoni tagħna tkun: u iva mbagħad nara! Imbagħad meta nixjieħ ikolli ċans immur il-Knisja!

It-Taljani kienu jħobbu jgħidu: ‘Quando non posso più torno al buon Gesù’. Meta mbagħad tgħaddi l-ħila kollha tagħna, imbagħad immur il-Knisja, nagħmel qrara tajba. Inti taf jekk hux se jkollok ċans ħabib, oħti? Mhux aħjar nibdew ngħixu ta’ nies minn issa? U tgħidli: aħna mhux ilkoll dgħajfin? Veru. Mhux ilkoll midinbin? Tassew. U għalhekk għandna bżonn regolarment nersqu għal dawk il-mumenti ta’ ndiema li permezz tagħhom il-Mulej ifarraġna bil-ħniena tiegħu. Għandna bżonnu! Għandna bżonn l-ħniena tiegħu.

Donnu meta jiġri xi ħaġa fuqek qisu kastig jew rigal għax inti tajjeb jew twajba! Il-Mulej ma jirraġunax hekk għax kieku lil Ibnu m’għaddiehx mill-passjoni ħarxa li għaddieh minnha, hu li kien innoċenti.

Ejja nagħmluha stil ta’ ħajjitna: li aħna u nagħrfu kemm aħna dgħajfin u midinbim, ma niddejqux, ma nistħux nersqu quddiemu u ngħidulu: erġajt ġejt jien, erġajt fattartha. Ma jafx minn xiex aħna magħġunin? Jaf, anke x’hemm fil-qalb tagħna.

Imbagħad jagħtina parabbola Ġesù biex ikompli jispjega dal-punt. Jagħtina x-xbieha sabiħa ta’ dak ir-raġel li kellu dielja. Min jaf kemm kienet għal qalbu, u fid-dielja kellu wkoll siġra tat-tin. Aħna l-Maltin nafu x’jiġifieri jkollok dielja tajba, nafu x’jiġifieri jkollok siġra tat-tin li fi żmienha tagħmel frott bnin. U dan għal sena, sentejn, tlieta mar ifittex fis-siġra tat-tin u ma jsibx tina waħda, ma jsibx frott. Nimmaġina li jiena u inti nagħmlu l-istess bħalma għamel dar-raġel. Qal: ‘din qed tkidd l-art, mhux aħjar naqilgħuha, nagħmlu xi ħaġa tagħmel il-frott?” (ara Lq 13:7). Hekk qallu lill-bidwi tiegħu. U l-bidwi jagħtih parir: “Inti ħalliha, sinjur, għal din is-sena, sa ma nagħżqilha madwarha u nagħtiha d-demel. Id-dieħla għandha mnejn tagħmel il-frott” (Lq 14:8-9).

Dan il-bidwi qed jgħallem lis-sinjur jieħu naqra paċenzja: inti agħtiha ċans almenu għal din is-sena. Ħa nieħu ħsiebha forsi tagħmel il-frott. Alla mhux biss iħenn għalina imma Alla wkoll jieħu paċenzja bina. L-Appostlu Missierna San Pawl, fit-tagħlim tiegħu jħobb juża dawn iż-żewġ kelmiet għeżież, mhux biss il-ħniena ta’ Alla imma wkoll il-paċenzja tiegħu.

Kemm tkun ħaġa sabiħa li dan ir-Randan, apparti s-sawm, nagħmlu dan it-tip ta’ sawm: kelma nieqsa, ħarsa nieqsa, biex ikollna mhux biss il-paċi imma mal-ħniena nużaw ukoll paċenzja. U l-paċenzja l-ewwel miegħek innifsek. Ħafna drabi naqtgħu qalbna minna nfusna. ‘U jiena issa mhux għalxejn immur inqerr? Mhux l-istess se nerġa’ nagħmel?’ Kważi kważi tmur tqerr u tibbukkja għall-qrara li jmiss. Imma dik in-natura tagħna l-bnedmin. U rridu nieħdu paċenzja bina nfusna u l-ewwel paċenzja trid turiha lilek innifsek.

U mbagħad xi ngħidu għall-paċenzja ma’ xulxin? Min hu miżżewweġ hu professur fil-paċenzja għax biex tgħix u tkompli fiż-żwieġ irid ikollok ħafna paċenzja. Inħobb nirrepetiha l-istorja, ta’ vera din! Tat-tabib Spiteri, fiż-żmiem meta Dun Ġorġ Preca kien lejn l-aħħar ta’ ħajtu. It-tabib Spiteri kien għadu żgħir imma Dun Ġorġ kien anzjan. It-tabib kien għadu żagħżugħ, ferħan ukoll li qed jieħu ħsieb lil dan is-saċerdot għażiż, illum qaddis. U staqsieh, ‘Sinjur, ħa niżżewweġ’ qallu, ‘tagħtini xi parir?’ U Dun Ġorġ waqaf ftit, qallu: ‘Dott. nagħtik dal-parir: mur id-dar u fuq il-blata ta’ kull bieb ikteb: paċenzja, paċenzja, paċenzja’. Daqshekk biss qallu Dun Ġorġ. Jiena lħaqt kellimtu lit-tabib Spiteri, smajtha anke direttament mingħandu qabel ma miet hu wkoll, u kien jgħid: kemm kelli bżonnu dak il-parir! Imma dan mhux kulħadd? Kemm għandna bżonn paċenzja fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna!

Ħa ngħid kelma qasira lill-katekumeni tagħna: I would like to greet our catechumens who are very patient with these liturgies in Maltese. They have the readings in Maltese and English but they don’t have a translation of the homily. In today’s Gospel the Lord teaches us that we need to be prepared, always to be prepared and this is what you’re doing in your pilgrimage towards Easter and baptism, confirmation and the Eucharist. But he has this beautiful image of the gardener who tells the owner of the vineyard: “Be patient, my Lord. We will take care of this fig tree, it may make fruit, give it time”. And this is what the Lord wants to teach us: how important it is to be patient in life: patient with ourselves, with each other and in our relationships. Patience is a wonderful expression of mercy and this is what we need all the days of our life.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Eż 3:1-8a,13-15
Salm: 102(103):1-2,3-4,6-7,8,11
Qari II: 1 Kor 10:1-6,10-12
L-Evanġelju: Lq 13:1-9

Aktar ritratti >>