• It-Tnejn 5 ta’ Diċembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna kien mistieden fil-ftuħ tal-kampanja ‘Make my house a home’ fil-Kampus tal-Universita ta’ Malta. Din l-inizzjattiva kienet tikkonsisti f’bejgħ ta’ larinġ magħsur u ikel ieħor b’risq l-Uffiċċju ‘Ejjew Għandi’, li jgħin tfal ġejjin minn ambjenti żvantaġġjati ta’ familja. 
     

    Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Kampus tal-Università, Tal-Qroqq
    5 ta’ Diċembru 2016

  • Jagħmel sew min jista’ jgħaddi hawnhekk u jagħsar tazza larinġ. Kont qed inkellem lil Andrew Azzopardi jumejn ilu, u kien qed jgħidli l-bżonnijiet ta’ dan is-servizz li anke noffru bil-għajnuna ta’ l-Istat. Nixtieq nirringrazzja wkoll lil-Istat Malti li jgħin f’din l-inizjattiva, anke b’kommissjoni mal-Appoġġ ukoll fejn ikun hemm persuni minuri li għandhom bżonn kenn u għandhom bżonn speċjali, ic-Children’s Homes għalhekk qegħdin.

    Din l-inizjattiva li nieħdu ftit ċitru li jagħmel tajjeb għas-saħħa u fl-istess ħin inkunu qegħdin ngħinu lil xi ħadd. Din hija wkoll dimensjoni importanti tal-vokazzjoni tas-seminaristi li qed imiddu jdejhom u jagħmlu biċċa xogħol biex jinġabru flus għal ħaddieħor. Hija vokazzjoni ngħid jien ta’ kull Nisrani.

    Għadni kemm iltqajt ma’ grupp sabiħ ta’ Sixth Formers minn Għawdex, li ’l quddiem se jkunu wkoll fuq il-kampus tal-Università, awgurajtilhom għall-eżamijiet li jkunu hawnhekk u għidtilhom: “waqt li qed tistudjaw l-Università ħudu ħsieb li anke tkunu fis-soċjal”. Jien naħseb anke s-saċerdot futur ma jistax ikun biss għas-sagristija. Il-Papa assolutament dil-ħaġa jitkellem ċar ħafna fuqha. Aħna mhux tas-sagristija, tas-sagristija wkoll, imma rridu nkunu fis-soċjal. Dan li qed jagħmlu l-istudenti tat-teoloġija kemm seminaristi, kemm lajċi oħrajn, juri li l-Evanġelju huwa kelma ta’ kuraġġ favur id-dinjità tal-bniedem u favur l-għajnuna tal-inqas iffortunati jew inkella l-iżjed li għandu bżonn.

    L-appel tiegħi huwa li l-ewwel nett biex aħna ilkoll kemm aħna f’dan l-istaġun tal-Milied dejjem nagħmluh staġun ta’ solidarjetà. Qegħdin fil-bidu ta’ Diċembru, għada hija l-festa ta’ San Nikola li huwa Santa Klaws. Ħafna drabi Father Christmas neħħejnilu l-mitra għamilnilu barbuża, neħħejnilu l-kappa għamilnieh Santa Klaws sekolarizzat. Aħna nippreferu naħsbu f’dan il-qaddis li ħa ħsieb l-inqas ixxurtjati ta’ żmienu u kien ukoll ragħaj skont il-qalb ta’ Alla.

     Charles J. Scicluna     
         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Għaqda Studenti tat-Teoloġija