Aktar minn mitejn saċerdot qed jattendu l-Aġġornament tal-Kleru fis-Seminarju tal-Arċisqof f’Tal-Virtù. Is-suġġett għal din is-sena hu “Relazzjonijiet ‘ġodda’: sfidi teoloġiċi u pastorali”. Dan il-kors annwali mifrux fuq tliet ijiem u li jintemm għada, l-Erbgħa 13 ta’ Ġunju, huwa pass importanti fil-mixja tal-formazzjoni permanenti ta’ kull saċerdot. L-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. qed jattendi dan l-Aġġornament flimkien mas-saċerdoti. L-iskop tal-Aġġornament hu li jqajjem diskussjoni dwar sitwazzjonijiet preżenti u futuri f’pajjiżna, fid-dawl tat-tagħlim tal-Knisja u d-diskorsi tal-Papa Benedittu XVI.

Għal dan l-Aġġornament ġew mistiedna żewġ kelliema barranin esperti fit-teoloġija morali: ir-Rev. Prof. Dr. Eberlhard Schockenhoff mill-Università ta’ Freiburg, il-Ġermanja, u r-Rev. Prof. Dr Gunter Virt mill-Università ta’ Vjenna, l-Awstrija. Flimkien mal-kontribut ta’ kelliema lokali, is-saċerdoti qed jiddiskutu l-implikazzjoni tal-ħidma pastorali fuq dawk li huma divorzjati u li jerġgħu jiżżewġu, fid-dawl tat-tagħlim tal-Knisja. Is-saċerdoti qed jirriflettu wkoll fuq ir-rwol tagħhom bħala medjaturi bejn il-persuna u Alla, fejn huma jgħinu lill-persuna biex iddawwal il-kuxjenza tagħha u tagħmel l-għażliet tagħha fiċ-ċirkustanzi ndividwali.

L-Aġġornament tal-Kleru jiġi organizzat mis-Segretarjat għall-Kleru, mmexxi mid-Delegat tal-Arċisqof Dun Frans Abdilla, u mill-Kummissjoni tal-Aġġornament li taqa’ taħt l-istess Segretarjat. Il-Kummissjoni hija mmexxija mir-Rev. Prof. Emanuel Agius.

AGĦFAS HAWN biex tisma l-kumment ta’ Dun Frans Abdilla, Delegat tal-Arċisqof għall-Kleru, u ta’ Rev. Prof. Emanuel Agius, dwar l-Aġġornament tal-Kleru ta’ din is-sena.

Agħfas fuq ir-ritratti biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]