L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Jingħad li wara li arrestawha fl-1942, Edith Stein jew il-qaddisa tagħna Tereża Benedetta tas-Salib, soru tal-klawsura Karmelitana, għamlet il-vjaġġ fit-tren mill-Olanda fejn kienet, għal Auschwitz fil-Polonja. Ix-xhieda li baqgħu ħajjin jgħidu li fil-vjaġġ kienet mara ta’ kalma kbira, ta’ talb, ta’ ġabra u ta’ karitá kbira.

Naħseb ħafna minn dawk li nqabdu mill-Gestapo kienu jafu li ma kinux sejrin xi vaganza jew piknik imma x-xhieda li baqgħu ħajjin jgħidu kemm impressjonathom il-kalma ta’ din il-mara għax ma kinitx mara anzjana, Edith Stein kellha madwar il-50 sena meta mietet. Din l-għarusa, li tkompli tersaq lejn l-għarus tagħha bil-musbieħ mixgħul tal-imħabba. Din il-ħaġa tolqotna. Kienet mara intelliġentisssima, rispettata bħala filosofa kbira ta’ żmienna imma wkoll kienet ta’ onesta intellettwali kbira. U meta sabet lil Ġesù sabet ukoll risposta għad-domandi fundamentali tal-bniedem imma fl-istess ħin għarus li kien jaf juri rispett għal-libertà u l-intelliġenza tagħha. Il-fidi tagħna ma tkissirx ir-raġuni imma televaha. Il-fidi tagħna mhix għall-istupidi, il-boloh u l-injoranti, hi għal kulħadd. Imma żgur hi fidi li tirrispetta l-libertà u l-intelliġenza tal-bniedem, l-ikbar żewġ doni li jagħmluna tassew bnedmin.

U din il-persuna, din is-soru, din il-filosfa li ddedikat ħajjitha tfittex il-verità sfat vittma ta’ gidba – il-gidba tan-Nażi li kienu jaħsbu li biex tkun tassew uman trid tkun Arjan, trid tkun ta’ razza pura, li l-oħrajn li mhumiex Arjani huma żibel, b’mod speċjali jekk huma Lhud. Edith Stein, peress li kienet mara Lhudija u baqgħet Lhudija sal-mewt, allura kienet ikkundannata għall-mewt l-iżjed infama, dik li kienu jgħidilhom li se jieħdu banju. Ineżżgħuhom għarwenin, gruppi gruppi jdaħħluhom ġo qisu shower imma minflok l-ilma jinżel gass velenuż. Wara li jinqatlu dawn il-vittmi fi tbatija ħarxa, kien ikun hemm ukoll uħud minnhom imqabbdin biex lil dawn il-vittmi mbagħad jaħarquhom fil-krematorji li għadhom jeżistu sal-lum.

Il-fidi tagħna ma tkissirx ir-raġuni imma televaha. Il-fidi tagħna mhix għall-istupidi, il-boloh u l-injoranti, hi għal kulħadd.

Aħna nitolbu ħafna bl-interċessjoni ta’ Edith Stein biex ikollna dik il-kalma, dik l-imħabba ta’ min jgħum fil-paċi li jagħti biss Ġesù. Mhix paċi tal-maġija, mhix paċi tal-bnazzi biss, imma  bħalma rajna fix-xhieda tal-aħħar mumenti tal-ħajja ta’ Edith Stein, ta’ Santa Tereża Benedetta tas-Salib, hi paċi li takkumpanjak anke fil-persekuzzjoni. Laħqet kitbet nota ftit jiem qabel ma’ ntbagħtet għall-mewt u lil sħabha s-sorijiet qaltilhom: ‘tiġini biss din it-talba kontinwament waqt li qiegħda ngħum f’paċi kbira: crux mea, unica spes mea (is-salib tiegħi, l-uniku tama tiegħi)’.

Għandna ħafna x’nitgħallmu minn din il-qaddisa patruna tal-Ewropa u nitolbu ħafna, mhux biss għal pajjiżna bl-interċessjoni tagħha, imma wkoll għall-Ewropa kollha.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Ħos 2:16b,17b,21-22
Salm: 44:11-12,14-17
L-Evanġelju: Mt 25:1-13