L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Ftit ta’ ġranet ilu, Malta kollha kienet ixxukkjata b’dak li ġara fi Triq is-Selmun, il-Mellieħa, meta kien hemm raġel mill-Ghana li spiċċa fuq bankina, ferut. Jidher li ġara kien li kien qed jaħdem, waqa’ żewġ sulari, u flok ħaduh l-isptar, ħaduh jew qiegħduh hemmhekk fuq bankina, u abbandunawh hemm. Bir-raġun kien hemm dan l-għagħa fost in-nies, għax bniedem ma tabbandunahx f’nofs ta’ triq, speċjalment meta mweġġa’ u għandu bżonn l-għajnuna. Kien hemm diversi li qalu: “Fiex wasalna! Il-Maltin saru hekk, bniedem tabbandunah f’nofs ta’ triq flok tagħtih l-għajnuna?”

Dil-ġrajja fakkritni ħafna fl-istorja li Ġesù qal illum tas-Samaritan it-tajjeb. Hemmhekk ukoll, kien hemm raġel li spiċċa fil-ġenb tat-triq, f’dal-każ għax kienu qabżu fuqu l-ħallelin u ħallewh nofsu mejjet. Dar-raġel fil-ġenb tat-triq, u l-ewwel għadda qassis, imbagħad levita, rawh u baqgħu sejrin. Imbagħad għadda wieħed Samaritan li waqaf, tħassru, mar ħdejh, dewwieh, ra dak li għandu bżonn, ħadu għand tal-lukanda, u kien lest li jkompli jsostnih. Waqaf miegħu f’dak li kellu bżonn. Din l-istorja bqajna nafuha bħala l-istorja tas-Samaritan it-Tajjeb.

F’dak li ġara f’Malta wkoll kien hemm samaritana t-tajba, li ġiebet oħrajn. Jiġifieri kien hemm persuna li waqfet, marret tara x’hemm bżonn, imbagħad ħadet azzjoni biex iġġib nies oħra ħalli dak il-bniedem minn hemm imur l-isptar u jingħata l-kura li kellu bżonn. Għalhekk, kien hemm persuna u persuni oħra li kienu samaritani tajbin, u li raw x’hemm bżonn isir biex dar-raġel ma jibqax hemmhekk abbandunat imma jingħata l-kura.

Mur u kun int proxxmu għall-oħrajn. L-oħrajn iċ-ċentru, mhux int

Imma li laqatni hu li kultant, meta taqra fuq dak li ġara, ħafna jieqfu fuq l-ewwel biċċa u jgħidu “x’jiġifieri dal-bniedem tħallih hekk?” – u bir-raġun jgħidu hekk – imma mbagħad jinsew li kien hemm samaritani tajba. Nixtieq li nieqfu fuq dak li għamlu dawn is-samaritani t-tajba li jgħallmuna x’għandek tagħmel meta tara lil xi ħadd fil-bżonn. Dawn waqfu fi triqthom, raw dak li kien hemm bżonn, ħadu azzjoni, ma ħallewx lil dal-bniedem abbandunat hemmhekk, imma għamlu li setgħu biex dan jasal l-isptar u jingħata l-kura li jeħtieġ. Nafu li dan hu dak li jrid minna Ġesù. U għalhekk meta nistaqsu fuq dak li ġara Malta “Fiex wasalna! Dawn huma l-Maltin?”, irridu niftakru li l-Maltin huma wkoll dawn is-samaritani t-tajba li għenu lil dal-bniedem li kien fil-bżonn. Nixtieq li nieħdu dan l-eżempju għall-ħajja tagħna.

Meta Ġesù qal il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb, qalha bi tweġiba għal dak li staqsieh l-għaref tal-liġi: “il-proxxmu tiegħi min hu?” Innutaw x’għamel Ġesù. Mhux qallu: dak hu proxxmu tiegħek jew dik, imma bidillu l-mod kif iħares lejn l-oħrajn. Flok tistaqsi “il-proxxmu tiegħi min hu?” – meta tistaqsi hekk, inti fiċ-ċentru u tkun qed tħares madwarek u tara min hu u min mhux proxxmu, imma inti ċ-ċentru – Ġesù qalibha din u qallu: mur u kun int proxxmu għall-oħrajn. L-oħrajn iċ-ċentru, mhux int. Meta int tkun proxxmu għall-oħrajn,  ma tagħmilx għażla bejn dawk li huma fil-bżonn, imma tkun ta’ għajnuna għal kull min hu fil-bżonn, kemm jekk abjad jew iswed, kemm tan-nazzjonalità tagħna jew mhuwiex. Tkun ta’ għajnuna għal min hu fil-bżonn.

Dak hu li jitlob minna Ġesù. Nitolbuh biex inkunu bħas-Samaritan it-Tajjeb tal-parabbola tiegħu, u bħas-samaritani t-tajba li kellna u li għandna f’tant oqsma f’pajjiżna. Nitolbuh biex dejjem nieqfu ma’ dawk li huma fil-bżonn, speċjalment ma’ min għaddej minn tbatija kbira.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju