Waqt li permezz tal-Osservatur Permanenti tagħha fil-Ġnus Maqgħuda, is-Santa Sede esprimiet tħassib dwar is-sitwazzjoni kurrenti fil-Libja, il-Kelliemi għall-Vatikan Patri Federico Lombardi qal li l-Punent m’għandux jinterferi fil-bidliet politiċi tal-pajjiżi Għarab, imma għandu joffri l-għajnuna tiegħu. F’kummenti waqt il-programm OCTAVA DIES, id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan appella lis-semmiegħa biex ma jibżgħux mill-bidliet għaddejjin, imma fl-istess ħin jidħlu fi djalogu pożittiv man-nies ta’ dawn il-pajjiżi.

Żied li “l-vjolenza li qed issostni r-reżistenza għat-tixrid tal-moviment ta’ trasformazzjoni tas-sitwazzjoni politika fil-pajjiżi Għarab, speċjalment fil-Libja, hi sors ta’ tħassib qawwi għat-tbatija li għaddejjin minnha dawk kollha milquta. Barra minn hekk, il-vjolenza qed tkabbar ir-riskju li l-proċess ta’ paċi isir iżjed diffiċli”. Żied li f’għajnejn ħafna din “ir-rivoluzzjoni kbira” wieħed “iħares lejha bl-għajnejn tat-tama f’rebbiegħa ġdida (b’sorpriża għad-dinja tal-Punent) fid-dinja Għarbija”.

Intant is-Santa Sede, permezz tal-Osservatur Permanenti tagħha għall-Ġnus Maqgħuda, l-Arċisqof Silvano Tomasi, iddiżaprovat bis-saħħa għat-tixrid tad-demm fil-vjolenza fil-Libja. F’diskussjonijiet tal-Kunsill għad-Drittijiet Umani f’Geneva,  l-Arċisqof Tomasi qal li d-djalogu irid jirbaħ fuq il-vjolenza. F’kummenti lil Radju Vatikan, fisser li l-poplu fid-dimostrazzjonijiet qed iwassal messaġġ ċar li jrid jieħu sehem attiv u demokratiku fit-tmexxija tal-pajjiż. Wera wkoll sens ta’ riflessjoni dwar id-deċiżjonijiet tal-komunita internazzjonali u kif dawn se jinfluwenzaw il-poplu Libjan u fl-aħħar u mhux l-inqas, qal li għandu jkun evitat esodu massiv ta’ nies ‘il barra mil-Libja.