L-Arċisqof Dominique Mamberti, Segretarju għar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi differenti, indirizza s-66 Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda u rrifletta dwar il-problemi ewlenin li qed jolqtu lill-familja.
“L-isfidi quddiem il-komunita internazzjonali huma numerużi u diffiċli. Għaldaqstant, huma sfidi li jġibu fid-deher l-interdipendenza profonda li teżisti fi ħdan il-‘familja ta’ pajjiżi’, li tħares lejn il-Ġnus Maqgħuda bħala strument importanti fl-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet għall-problemi internazzjonali ewlenin”, qal Mamberti.
Kompla billi elenka għadd ta’ kwistjonijiet ta’ tħassib. Semma l-ewwel dawk ta’ natura umanitarja, bħall-każi ta’ ġuħ fil-kontinent Afrikan. Hawn qal li l-‘familja ta’ pajjiżi’ għandha tħares lejn dawk il-‘membri dgħajfa’ fi ħdanha. M naqasx milli jissottolinea r-responsabbilta ta’ protezzjoni u anki r-responsabbilta li l-komunita internazzjonali tintervjeni f’sitwazzjonijiet fejn Gvernijiet ma jistgħux imexxu iżjed waħedhom. L-Uffiċjal tal-Vatikan enfasizza l-ħsieb li r-responsabbilta ma tirriduċix lilha nnifsha għal intervent militari iżda għal azzjoni li tkun mezz ta’ prevenzjoni u mmaniġġjar b’mod tajjeb tal-kunflitti.
L-Arċisqof Mamberti tkellem ukoll fuq il-liberta reliġjuża bħala sfida ewlenija quddiem il-komunita internazzjonali. Qal li l-Insara huma l-iktar li qed jiffaċċjaw persekuzzjoni fil-fidi. Semma wkoll il-kriżi ekonomika li qal li tikkaratterizza politika u ekonomiji mingħajr etika bħala illużjoni ċinika.
Fi kliemu, il-bniedem għandu jkun fiċ-ċentru tal-iżvilupp. Hawn hu rrakkomanda mill-ġdid l-analoġija tal-familja.
Mons Mamberti indirizza wkoll il-kunflitt bejn Israel u l-Palestina. Naturalment il-kwistjoni tal-paċi bħala riżultat ta’ diskussjoni frott sens qawwi ta’ rieda tajba minn kulħadd.