L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi
Id-djalogu li hawn, fl-ewwel qari mill-Profeta Iżaija, bejn il-bniedem u Alla, huwa ta’ dawl għal ħajjitna. Il-Profeta juri lin-nies il-kuntrast li hemm bejn il-mod kif huma jħarsu lejn is-sawm, u dak li Alla jrid bis-sawm.
Min-naħa tan-nies hemm qisu lment indirizzat lejn Alla: aħna nsumu, u int qisek ma tindunax, ma tagħtix każ: “Għaliex somna, u int ma ħaristx? Għakkisna ruħna u int ma ntbaħtx?” Ninnutaw hawnhekk kif kważi kważi dawn in-nies ħasbu li kienu qed jagħmlu pjaċir lil Alla meta jsumu, jew inkella stennew mingħandu rikonoxximent għal dak li kienu qed jagħmlu. Għalihom is-sawm kien xi ħaġa tajba li qed jagħmlu li kien jistħoqqilha tkun ippremjata.
B’kuntrast ma’ dan, il-Profeta jurihom xi jfisser is-sawm għal Alla u dak li jistenna minna meta nsumu u nagħmlu sagrifiċċju, fil-każ tagħna matul dan iż-żmien tar-Randan. Isemmi żewġ affarijiet li kienu importanti dak iż-żmien, imma huma importanti ħafna wkoll għalina llum.
Is-sawm ma jmurx mal-konflitti u d-diviżjoni
L-ewwel nett jgħidilhom: intom issumu, tgħakksu lilkom infuskom, imma waqt li tagħmlu dan, tgħakksu lill-oħrajn – bil-konflitti, bil-ġlied, billi ma tirrispettawx id-dinjità tal-oħrajn. Il-Profeta jgħidilhom: għal Alla dan mhux sawm!
Fil-fatt Alla jgħid fuq dan is-sawm: “Jaqaw jien jogħġobni sawm bħal dan… Tgħidlu int dan sawm li jogħġob lill-Mulej?” Jekk intom issumu mill-ġlied, konflitti, mill-mibegħda lejn l-oħrajn, hemm jagħmel sens li ssum. Dan hu messaġġ importanti għalina. Aħna ma nistgħu qatt nifirdu s-sagrifiċċju li nagħmlu, pereżempju fejn jidħol ikel, mill-mod kif nittrattaw lill-oħrajn. Aħna nagħmlu sagrifiċċju biex lill-oħrajn nittrattawhom aħjar, mhux biex b’xi mod ngħakksu lill-oħrajn.
Għalhekk naħdmu biex inkunu strumenti ta’ paċi, ta’ mħabba, ta’ għaqda mal-oħrajn. Din hi importanti f’ambjent bħal tagħna, tal-Knisja – il-Kurja, it-Tribunal, il-Caritas – u kull fejn naħdmu bil-viżjoni ta’ Knisja. Li aħna nsumu minn dak li b’xi mod jista’ jifred u joħloq diviżjoni bejnietna.
Il-Papa Franġisku jsemmi ħafna z-zekzik (gossiping) – dak li semma Patri Stephen (li mexa l-irtir) fil-bidu nett. Il-Papa jsemmi z-zekzik meta jirreferi għall-Kurja Rumana mhux għall-Kurja ta’ Malta. Imma imporanti li aħna nħarsu lejn il-Kurja Rumana biex nitgħallmu. Noqogħdu attenti ħafna fi kliemna. Il-kliem tagħna jista’ joħloq ambjent tassew sabiħ u jista’ joħloq il-firda, id-diviżjoni. Kultant mhux bi skop ħażin, anke għax kelma ġġib lill-oħra, kif ngħidu bil-Malti, imma rridu noqogħdu attenti. Nitolbu lill-Mulej li l-ewwel sawm tagħna f’dan ir-Randan ikun sawm minn kliem li mhuwiex ta’ ġid, kliem li b’xi mod iġib il-ħsara.
Alla jgħaqqad dejjem is-sawm mal-karità. Is-sagrifiċċju li nagħmlu għandu jwassal għall-karità b’mod konkret. Is-sawm hu f’loku meta jservi biex jagħmilna aktar sensittivi għall-oħrajn.
Is-sawm jiftaħna għal dawk kollha li huma fil-bżonn
Imbagħad isemmi xi ħaġa oħra l-Profeta Iżaija li tgħaqqad ħafna mal-kliem ta’ Ġesù. Meta hu jgħid: “Mhux dan is-sawm li jiena rrid? Jiġifieri li taqsam ħobżok ma’ min hu bil-ġuħ, iddaħħal f’darek lill-imsejken bla saqaf…” Innutaw li dan hu l-kliem li qal Ġesù f’San Mattew 25: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqatjuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu tarawni, kont fil-ħabs u ġejtu żżuruni.” Dan hu l-istess kliem. Ġesù semmieh bħala l-mod kif Alla se jiġġudikana.
Għalhekk għandna naħsbu kif nistgħu b’mod konkret inkunu ta’ ġid għal kull min għaddej minn xi tbatija – għax waħdu jew waħedha, jew minħabba l-mard, jew għax iżolat/a, jew għax hemm xi uġigħ. Li aħna nkunu dawk li nieqfu magħhom u ngħinuhom.
Alla jgħaqqad dejjem is-sawm mal-karità. Is-sagrifiċċju li nagħmlu għandu jwassal għall-karità b’mod konkret. Is-sawm hu f’loku meta jservi biex jagħmilna aktar sensittivi għall-oħrajn.
Naddottaw il-viżjoni tal-Mulej fuq is-sawm
Nitolbu lill-Mulej il-grazzja li s-sawm għalina jkun is-sawm kif jogħġob lil Alla u jgħinna ngħixu b’mod sabiħ il-ħajja Nisranija.
Kultant tisma’ min jgħid, forsi ispirat ukoll mill-kliem bħal tal-Profeta Iżaija: jekk int se ssum u tgħid kontra n-nies, jekk se ssum u m’intix se tagħmel karità, aħjar ma ssum xejn! Imma ħa nħarsu lejha b’mod ieħor: jekk int qed tagħmel xi ħaġa tajba, mhux dik neħħi; neħħi l-ħażin. Mela jekk int qed issum u tgħid kontra n-nies, sum u ibda tkellem fuq in-nies b’mod li tagħmlilhom il-ġid. Jekk int issum u ma tagħmilx karità, sum u lin-nies ibda għinhom fil-bżonnijiet tagħhom.
Nitolbu lill-Mulej biex jippurifikalna qalbna ħalli s-sawm inħarsu lejh bil-mod kif uriena Alla fil-Kelma tiegħu u narawh dejjem b’rabta mal-ħajja tagħna ta’ kuljum.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju