Christmas Tree in St Peter's Square

Is-Siġra tal-Milied fi Pjazza San Pietru fil-Vatrikan, prattika li nbdiet mill-Papa Ġwanni Pawlu II u li issa hi tradizzjoni b’saħħitha, inxtegħlet fl-aħħar jiem u kienet deskritta mill-Arċisqof ewlieni ta’ Kyiv-Halyc bħala “simbolu ta’ unita tal-paċi tal-Milied u simbolu ta’ devozzjoni u għaqda mas-Suċċessur ta’ Pietru – il-Papa Benedittu XVI”. Is-Siġra ta’ kważi 31 metru b’2,500 ornament, waslet mir-reġjun Ukren ta’ Zakarpattia. Eluf kienu dawk li nġabru għall-mixgħela tagħha minn tifel Ukren li tlibbes bil-kostum tradizzjonali tal-pajjiż.

Isqfijiet Kattoliċi u Ortodossi mill-Ukrajna kienu preżenti għal din l-attivita. Dawn kienu jinkludu lill-Arċisqof ewlieni  ta’ Kyiv-Halyc, Svioatoslav Schevchuck. Fi kliemu, is-Siġra hi “simbolu ta’ unita tal-paċi tal-Milied u simbolu ta’ devozzjoni u għaqda mas-Suċċessur ta’ Pietru – il-Papa Benedittu XVI”. Qal li hi wkoll “simbolu ta’ kollaborazzjoni bejn il-Knisja Kattolika u dik Ortodossa tal-Ukrajna”.

Min-naħa tiegħu, l-Arċisqof ta’ Lviv, enfasizza li l-għotja tas-Siġra bħala rigal, jaħbat mal-20 anniversarju tal-Indipendenza tal-Ukrajna mill-Unjoni Sovjetika, kif ukoll mal-10 anniversarju miż-żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II fil-pajjiż.