Is-Soup Kitchen tal-Franġiskani fil-Belt Valletta serviet 27,000 persuna s-sena li għaddiet, madwar 3,000 inqas mill-2022.
It-tmexxija tas-Soup Kitchen qalet li bħala istituzzjoni trasparenti li tiddependi fuq id-donazzjonijiet tal-pubbliku, tħoss il-ħtieġa li tagħti rendikont tal-ħidma tagħha fl-2023.
Mis-27,000 persuna li qdiet fl-2023, 62% kienu rġiel u 86% kienu Maltin.
Fis-sena li għaddiet, is-Soup Kitchen ippreparat 98,400 platt ikel għal nofsinhar u 22,100 ikla għal filgħaxija, li ġabu magħhom spiża ta’ €603,660.
Iżda s-servizzi tas-Soup Kitchen mhumiex limitati għall-ikel biss u 98 persuna li fittxew l-għajnuna tagħha nstabilhom xogħol.
Is-Soup Kitchen għandha biss ħaddiem full time u part time u tiddependi l-aktar fuq il-voluntiera tagħha li jikkonsistu minn għexieren ta’ helpers minn pajjiżi differenti u seba’ membri tal-bord tagħha.
Dan apparti li s-Soup Kitchen taħdem ma’ avukat u disa’ infermiera, ħaddiema soċjali u barbiera li joffru s-servizzi tagħhom.
Is-Soup Kitchen semmiet ukoll li ngħatat donazzjonijiet minn 121 negozju, 1,160 persuna u 20 skola madwar Malta.
“Kuljum fis-Soup Kitchen iseħħ miraklu. Mingħajr il-voluntiera tagħna u d-donazzjonijiet li nirċievu, dan ma jkunx possibbli. Grazzi lil min ta d-donazzjoni tiegħu biex inkomplu noffru s-servizzi tagħna,” tenniet is-Soup Kitchen.
Ara kif tista’ tagħti d-donazzjoni tiegħek.
APS:
A/C 41286610023 MT56APSB77013000000041286610023
BOV:
A/C 40024827012 MT46VALL22013000000040024827012
PAYPAL:
http://www.soupkitchenofmvalletta.com/
ĊEKKIJIET:
Jistgħu jintbagħtu lil Soup Kitchen OFM – Valletta 40, St Ursula Street Valletta
Tista’ tagħmel kuntatt mas-Soup Kitchen fuq +356 7922 7570 u ssegwi x-xogħol tagħha fuq Facebook.
Sors: Newsbook Malta