L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Jgħidu li Tumas l-appostlu, wara Għid il-Ħamsin, mar iħabbar l-Evanġelju ’l bogħod, ’il barra mill-Imperu Ruman. Fil-fatt, f’Kerala, l-Indja, hemm devozzjoni lejn San Tumas l-Appostlu, u jgħidu li wasal sa hemm. Imma għamel x’għamel, ħadem kemm ħadem, u mar kemm mar ’il bogħod, l-aktar ġrajja li baqgħet marbuta miegħu hi proprju dik li smajna fl-Evanġelju llum, meta baqa’ bit-tikketta “dak li ma emminx”.

Tumas għamel ħafna aktar minn hekk, u dil-ġrajja li smajna llum tgħidilna ħafna aktar minn hekk. Nixtieq li barra dak li jgħallimna San Tumas, naraw ukoll aspetti oħra minn dil-ġrajja tal-lum.

L-ewwel jum tal-ġimgħa

L-ewwel nett, hemm dettall li kultant jinqabeż, jiġifieri li meta naqraw ma niqfux fuqu, imma li hu importanti u kien importanti għall-ewwel Insara. Dan hu li Ġesù Rxoxt iltaqa’ mad-dixxipli tiegħu fl-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-jum tal-qawmien. U meta reġa’ mar kien tmint ijiem wara, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, jiġifieri l-jum tal-Ħadd. Id-dixxipli kienu miġburin, u kellhom din il-laqgħa ma’ Kristu ħaj fil-jum tal-Ħadd. 

L-ewwel Insara dejjem kienu jagħtu importanza kbira lil dan l-ewwel jum tal-ġimgħa, il-jum tal-Ħadd. U hekk baqgħet il-Knisja tul is-snin, li tqisu importanti ħafna. Hu importanti li aħna niċċelebrawh bil-laqgħa tagħna flimkien, f’Jum il-Mulej, il-jum tal-Qawmien, il-jum tal-Ħadd. F’dawn l-aħħar ġimgħat ma stajniex niltaqgħu flimkien, minħabba l-pandemija, u ilna wkoll sena li diversi nies, minħabba l-età, jew il-kundizzjoni familjari, ma setgħux jiġu l-knisja. Għalhekk għexna din sitwazzjoni anomala għalina l-Insara, għax aħna nafu kemm hu importanti l-Ħadd u li niltaqgħu flimkien f’Jum il-Mulej.

Tumas hu għajnuna kbira għalina fil-fidi tagħna. Aħna ngħidu “dak li ma emminx”… għax hu ried il-provi, u kultant f’ħajjitna jiġuna dawk il-mumenti meta nkunu rridu naraw l-affarijiet sew u mmissuhom bi jdejna.

Dan li għamilna matul din is-sena ma kienx kapriċċ; kien minħabba valur li hu fundamentali għalina li nemmnu – għandu jkun għal kull bniedem – il-valur tal-ħajja u l-protezzjoni tal-ħajja. Għal dan li aħna kellna nieħdu ċerti miżuri, fosthom li ma niltaqgħux flimkien. Imma dejjem għandha tibqa’ fina din ix-xewqa, u l-ħeġġa, u r-rieda li meta jkun il-waqt aħna niltaqgħu flimkien f’Jum il-Mulej, nibqgħu niċċelebrawh flimkien għax dak hu l-jum speċjali meta Kristu Rxoxt iltaqa’ mad-dixxipli tiegħu u jiltaqa’ magħna wkoll kull meta ninġabru flimkien.

Dak li ma kienx preżenti

Ħa nħarsu lejn Tumas l-appostlu. Dan ma kienx mad-dixxipli, u għalhekk ma riedx jemmen. Ried il-provi. Meta qalulu “rajna l-Mulej”, ried il-provi. Ried jara b’għajnejh u jmiss bi jdejh.

Tifhmu, għax dan kien għadda mill-esperjenza tat-trawma tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. U ried iktar minn xi wħud li jgħidulu “rajna l-Mulej”. Innutaw x’ried. Ma qalx: jekk ma narahx, jekk ma narax lil wiċċu, ma nemminx. Qal: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u nqiegħed sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jiena ma nemminx”. Jiġifieri: jekk ma nkunx naf li hu l-istess Ġesù li għadda mill-passjoni u l-mewt, u issa qam rebbieħ, u rebaħ dan, jien ma nemminx.

Jekk toqgħod taħseb ftit, Tumas hu għajnuna kbira għalina fil-fidi tagħna. Aħna ngħidu “dak li ma emminx”, imma fil-fatt hu għajnuna kbira għalina fil-fidi tagħna; għax hu ried il-provi, u aħna kultant f’ħajjitna jiġuna dawk il-mumenti meta nkunu rridu naraw l-affarijiet sew u mmissuhom bi jdejna. Imma hemmhekk tajjeb niftakru f’dak li qallu Ġesu: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu”. Aħna fost dawk il-henjin. Lilna Ġesu jgħoddna mal-henjin, u tajjeb li bħal Tumas nagħmlu dik l-istqarrija li hi l-aqwa stqarrija fuq fomm appostlu fl-Evanġelju kollu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”. Dak hu l-Mulej li aħna nemmnu fih u li lilna jgħinna biex nissaħħu fil-fidi tagħna.

Komunjoni u missjoni

Ħa nħarsu issa lejn Ġesù Rxoxt, li jiltaqa’ mad-dixxipli tiegħu. Ġesù jmur ifittex hu biex jiltaqa’ mad-dixxipli tiegħu. Innutaw l-ewwel kelma li jgħidilhom: “is-sliem għalikom”. Hi ripetuta għal tliet darbiet fl-Evanġelju tal-lum. Mhux kelma ta’ lment għax telquh, għax ħarbu; mhux kelma li ssammarhom. Imma “is-sliem għalikom”. Dak hu Ġesù ħaj li jwassal is-sliem, l-imħabba, il-ħniena lid-dixxipli tiegħu.

F’din il-laqgħa magħhom, ninnutaw żewġ affarijiet li nistgħu niġbruhom f’żewġ kelmiet: komunjoni u missjoni. Jiġifieri, meta Ġesù jgħaddilhom is-sliem, jgħinhom biex jgħixu tassew bħala komunità magħquda, bħalma rajna fl-Ewwel Qari mill-Atti tal-Appostli. Is-sliem tal-Mulej għen lill-ewwel komunitajiet Insara biex ikunu “qalb waħda u ruħ waħda”. Imbagħad hemm ħaġa oħra. Ġesù jgħidilhom ukoll biex ma jibqgħux imbeżżgħa, “bil-bibien magħluqa” imma biex joħorġu – “Kif il-Missier bagħat lili hekk jien nibgħat lilkom”. Joħorġu ’l barra mill-bibien magħluqa ħa jxandru lilu. Għalhekk għandna l-komunjoni li tgħaqqad flimkien il-Knisja, imma wkoll il-missjoni li għandha biex toħroġ ixxandar il-Bxara t-Tajba.

Din hi wkoll il-missjoni tagħna. Lilna wkoll il-Mulej jixtieq li jgħaqqadna flimkien bħala l-komunità tiegħu, imma wkoll li jagħtina din il-missjoni: li aħna nxandruh, Kristu li hu ħaj, il-Mulej tagħna u Alla tagħna. U li nxandruh kif hu deher lill-appostli, jiġfieri bil-pjagi miftuħa.

Il-pjagi ta’ Ġesù

Il-pjagi ta’ Ġesù fl-istorja tal-umanità huma sinjal tal-ħażen u tad-dnub, imma wkoll tal-imħabba li tifdi, tal-ħniena ta’ Alla. Dan irridu nwasslu lill-bnedmin kollha, lill-umanità. Ġesù jistedinna biex aħna narawh preżenti fil-pjagi tal-umanità, fil-pjagi tal-bnedmin illum. Hemmhekk, meta nuru l-imħabba lill-bniedem li għaddej mit-tbatija u nwasslu l-ħniena ta’ Alla, hemmhekk qegħdin tassew niltaqgħu ma’ Ġesù, għax hu qalilna: dak kollu li tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti, tkunu qed tagħmluh miegħi. Għalhekk illum niltaqgħu ma’ Ġesù fil-pjagi tal-bnedmin. Dawk kollha li bħalissa, matul din il-pandemija, qed jaħdmu biex juru appoġġ, solidarjetà, għajnuna, kura u attenzjoni lil dawk li qed ibatu, qegħdin jagħmlu dak li jixtieq Ġesù llum: niltaqgħu mal-bnedmin fil-pjagi tal-umanità.

Nitolbu llum lill-Mulej biex ikompli jsaħħaħna bħala l-komunità tiegħu, jagħtina s-sliem tiegħu, imma jgħinna wkoll biex aħna noħorġu ’l barra mill-bibien magħluqa tagħna, biex inwasslu l-Aħbar it-Tajba lill-bnedmin u speċjalment niltaqgħu miegħu fil-pjagi tal-umanità, fejn hu qed ibati llum.  

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju