Isqfijiet Kenjani talbu lill-mexxejja tal-Gvern sabiex iwaqqfu l-vjolenza etnika fir-reġjun tal-kosta qrib ix-xmara Tana fil-pajjiż, fejn ġlied ħalla mijiet mejtin u mitlufa fl-aħħar ħames xhur. “Tfal żgħar fi triqithom għall-iskola inqatlu bil-basktijiet wara darhom, u l-anzjani li ma kinux abbli jaħarbu lejn postijiet siguri, spiċċaw inħarqu fi djarhom stess mill-ġirien tagħhom li għexu spalla ma’ spalla magħhom għal snin twal”, qalu l-isqfijiet fi stqarrija iffirmata mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni Episkopali għall-Ġustizzja u Paċi, u kapijiet tad-djoċesijiet mal-kosta.
“L-isqfijiet komplew li “ninsabu mdejqin u xxukkjati bil-vjolenza u l-imwiet f’dil-parti tal-pajjiż, u iktar minn hekk, sorpriżi li minkejja l-preżenza b’saħħitha tal-aġenti tas-sigurta, minkejja l-wegħdi ta’ tmiem il-vjolenza, u l-wegħda ta’ laqgħat ta’ rikonċiljazzjoni u paċi, xejn ma nbidel”. L-isqfijiet qalu li x-xmara Tana kienet magħrufa għar-riżorsi naturali tagħha u appellaw lill-gvern sabiex jinvestiga jekk din hix relatata ma’ vjolenza tipperpetwa.