L-Isqfijiet tal-Amerika Latina u l-Karibew tennew is-solidarjeta tagħhom ma’ Ħaiti hekk kif il-Ħaiti jinsab jirkupra mit-terremot massiv li laqat il-pajjiż f’Jannar li għadda.

Il-Presidenti tal-Konferenzi Episkopali tal-Amerika Latina u l-Karibew, flimkien mal-Kunsill Episkopali Latin Amerikan, iċ-CELAM, qalu dan wara li ltaqgħu fl-aħħar jiem f’Bogota mal-President tal-Konferenza Episkopali f’Ħaiti, l-Arċisqof Louis Kebreau. Huma ltaqgħu biex jiddiskutu il-ħtiġijiet tal-pajjiż, issa li għaddew xhur mit-terremot.

Ħaiti, diġa l-iktar pajjiż fqir fil-Punent tad-dinja, qala’ daqqa ta’ ħarta mit-terremot ta’ Jannar li ħalla magt-300,000 persuna mejta, li kienu jinkludu lill-Arċisqof ta’ Port-au-Prince, Joseph Serge Miot, flimkien ma’ 30 seminarista.

L-Isqfijiet qalu fi stqarrija li “it-terremot mhux biss ikkaġuna ħsarat tanġibbli, iżda kkaġuna sofferenza qawwija lil ħafna nies”. Kien hawn li l-Isqfijiet esprimew apprezzament għall-kontribuzzjonijiet li saru u l-għajnuna kollha li ngħatat lill-Ħaii fl-aħħar sitt xhur, u ġeddew l-impenn tagħhom li joffru iktar għajnuna. F’dan id-dawl, appellaw sabiex kull min jista’ jagħti sehmu f’dan il-proċess biex il-Ħaiti timxi ‘l quddiem.

BOGOTA, Colombia, (Zenit.org)