Bishop Marcellino Taiji Tani of Saitama is affirming that life is a gift from God, as his country suffers from the effects of a 9.0 magnitude earthquake and resulting tsunami.

L-Isqof Marcellino Taiji Tani ta’ Saitama qed jafferma li l-ħajja hi rigal minn Alla, anki jekk il-poplu taħt il-kura spiritwali tiegħu għadu kemm intlaqat mill-agħar terremot li qatt laqat il-Ġappun, u li kkawża tsunami. Minbarra l-eluf ta’ vittmi mejta, u l-eluf li spiċċaw bla saqaf fuq rashom, din it-traġedja ġabet ukoll bħala konsegwenza serje ta’ inċidenti ta’ natura nukleari fl-impjant nukleari ta’ Fukushima. Hawn biss, kellhom jiġu evakwati mal-200,000 persuna miż-żona minħabba biża ta’ tixrid ta’ materjal nukleari.

L-Isqof Tani assigura li “l-Knisja fil-Ġappun se twieġeb għat-traġedja. Ta’ tħassib partikolari hi s-sitwazzjoni fl-impjant ta’ Fukushima, pero infittxu li nimtlew bil-kuraġġ bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu”.

L-Isqof, f’kummenti lill-Aġenzija Fides, ikkonferma li dawk kollha li jemmnu, fl-aħħar jiem iddedikaw ħin ta’ talb anki b’quddiesa b’sufraġju għall-vittmi. “Bħala komunita nisranija, aħna armati bit-talb u bis-solidarjeta. Din il-ġrajja ta’ swied il-qalb tfakkarna li l-ħajja hi f’idejn Alla, u l-istess ħajja hi r-rigal mingħand Alla. Hi sfida għalina lkoll biex nipprattikaw u nagħtu xiehda tal-kmandament tal-Imħabba, anki f’daż-Żmien tar-Randan”.