Il-laqgħa li l-Arċisqof kellu lbieraħ ma’ dawk li snin ilu soffrew abbuż minn żewġ saċerdoti meta kienu għal kenn f’dar tal-Knisja, kienet f’postha, meħtieġa, daqstant ieħor urġenti.

Din id-darba ħadd ma jista’ jakkuża l-Knisja li damet taħsibha. Għall-kuntrarju, hekk kif  l-Arċisqof il-ġimgħa li għaddiet wiegħed li kien se jiltaqa’ ma’ dawn il-vittmi, dlonk żamm kelmtu, iltaqa’ magħhom wiċċ imb’wiċċ, u reġa’ qal li jiddispjaċih ħafna għal dak li ġara.

Irid jingħad għall-korrettezza li din hi t-tieni darba f’ġimgħatejn li l-Knisja f’Malta għarfet li għamlet żball, u talbet skuża. Mingħajr tgħawwiġ ta’ kliem, u skużi. Fl-istqarrija li ħarġet il-ġimgħa li għaddiet, ġurnata wara li l-Maġistrat Demicoli ta s-sentenza tiegħu, il-Knisja b’mod ġenerali tablet maħfra “l-ewwelnett lil dawk li sofrew l-abbuż, kif ukoll lis-socjetà Maltija kollha”. Il-Knisja f’dik l-istqarrija wriet ukoll is-sogħba tagħha “għall-fatt li l-investigazzjonijiet dwar ir-rapporti damu daqshekk biex kienu konklużi”.

Ilbieraħ kien hemm żvilupp ieħor. Il-Knisja bħal donna tat x’jifhem li lesta tikkunsidra tagħti xi forma ta’ kumpens lill-vittmi ta’ dan il-każ. Mhux se nidħlu fil-mertu jekk dan il-ġest hux utli biex ifejjaq il-qalb miksura ta’ dawk li kienu abbużati, imma bla dubju oġġettivament anki hawn, jidhrilna, hawn ammissjoni ċara min-naħa tal-Knisja ta’ ħtija kollettiva.

Agħfas hawn biex tkompli taqra dan l-artiklu mis-sit www.il-gensillum.com