Il-Kardinal Ennio Antonelli, President tal-Kunsill Pontifiċju tal-Familja, flimkien mall-Arċisqof ta’ Milan, il-Kardinal Agelo Scola, u l-Professur tad-Dipartiment tas-Soċjoloġija fl-Universita ta’ Bologna fl-Italja, Pierpaolo Donati, ippresedew konferenza tal-aħbarijiet biex setgħu jippreżentaw is-seba’ laqgħa dinjija tal-familja li se ssir f’Milan bejn it-30 ta’ dax-xahar u t-3 ta’ Ġunju. It-tema se tkun “Il-Familja: Xogħol u Ċelebrazzjoni”.
Il-Kardinal Antonelli iffoka r-rimarki tiegħu fuq it-tħejjijiet għal din l-attivita li ilha mħabbra mill-Papa sentejn. Il-Kardinal ippreżenta wkoll manwal li jiġbor it-tagħlim l-iktar riċenti tas-Santa Sede fuq il-familja u l-ħajja umana – mill-aħħar snin tal-pontifikat ta’ Ġwanni Pawlu II, u mill-pontifikat ta’ Benedittu XVI. Qal li din il-pubblikazzjoni hi maħsuba biex tipprovdi informazzjoni u tkun strument konsultattiv għall-ħaddiema fil-kura pastorali, assoċjazzjonijiet, movimenti favur il-ħajja u l-familja, akkademiċi, għalliema u politiċi. Qal li hu materjal li jinkorpora suġġetti bħat-teoloġija u l-antropoloġija tal-familja, iż-żwieġ inter-reliġjuż, ir-regolazzjoni tal-fertilita, id-demografija u l-etika tal-ħajja mill-mument tal-konċepiment sal-mewt naturali.
Sadattant, waqt l-istess konferenza, l-Arċisqof ta’ Milan, il-Kardinal Angelo Scola, qal li t-temi fundamentali tal-ħajja tal-bniedem huma l-familja, x-xogħol u l-mistrieħ. Żied li l-laqgħa li ser issir f’Milan ser tiffoka fuq żewġ aspetti uniċi tal-esperjenza umana. Dawn qal li huma l-fatt li l-bniedem huwa uniku u l-fatt li dejjem huma f’xi forma ta’ relazzjoni ma xulxin. L-Arċisqof qal li fil-familji fejn il-koppji huma leali lejn xulxin, it-tfal isibu wegħda ta’ ġejjieni ħieni. Permezz tax-xogħol, fisser li l-bniedem jiskopri sens ta’ fidi reċiproka bejn il-kollegi, u permezz tal-mistrieħ il-bniedem jingħaqad miegħu nnifsu, ma’ ħaddieħor u m’Alla.
Aktar minn miljun persuna mistennija jattendu quddiesa ċċelebrata mill-Papa f’Milan.