L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: ‘Qumu, la tibżgħux’” (Mt 17:7).

Din is-silta minn kapitlu 17 tal-Evanġelju ta’ San Mattew, għalina n-nies ta’ Ħal Lija hija għażiża ħafna għaliex hija s-sinsla tal-antifona tas-Salvatur. Aħna nafuha bil-Latin: “et accessit Iesus et tetigit eos dixitque eis surgite et nolite timere” (“Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: ‘qumu la tibżgħux’”).

Meta kont qed nitlob u naħseb x’se ngħid illum, bħalma nagħmel kull sena fis-6 ta’ Awwissu, ma stajtx ma naħsibx fuq il-pandemija li ħasditna fil-bidu tas-sena; mingħalina li konna mexjin sew u erġajna kważi koppi. Xi trid tgħidilna l-festa tas-Salvatur din is-sena fil-kuntest tal-pandemija? X’xaqq ta’ dawl u tama jista’ joħroġ mit-Tabor meta aħna lkoll, fis-6 ta’ Awwissu 2020, kulħadd liebes il-maskra jew bil-visor? Qatt ma kienet din!

Ġesù llum jersaq lejn kull wieħed u waħda minna u jagħtina taptipa fuq spallejna u jgħidilna: “Qumu, la tibżgħux”. Din il-kelma hija kelma għażiża. It-tliet appostli li għażel biex jitilgħu miegħu fuq il-muntanja qaddisa, Pietru Ġakbu u Ġwanni, kienu semgħu din il-kelma għax kien għażilhom biex jidħlu miegħu fejn kien hemm bint Ġajru mejta. Ġajru, li kien kap tal-Lhud u kellu tifla ta’ 12-il sena, imur għand Ġesù jgħidlu biex imur għandu biex ifejjaqha (ara Lq 8:40-41). Huma u mexjin, it-tifla tmut. Ġesù, qabel jidħol ħdejha, jgħidilhom li ma mititx u li kienet rieqda u n-nies bdew jidħku bih. Hu jsejjaħ lil Pietru, lil Ġakbu u lil Ġwanni biex jidħlu miegħu. Dawn huma t-tliet xhieda magħżula. Quddiem ommha u missierha, jaqbad id it-tfajla u jgħidilha: “Tifla, qum” (Lq 8:54). U t-tfajla tqum min-nagħsa tal-mewt u Ġesù jagħtiha lill-ġenituri tagħha u jgħidilhom biex iġibulha xi ħaġa x’tiekol biex titrejjaq. Din il-kelma, Pietru, Ġakbu u Ġwanni, kienu semgħuha diġà. Kienu jafu għax kienu xhieda diretti tal-qawwa ta’ Ġesù li tfejjaq, mhux tfejjaq biss il-mard tal-ġisem imma wkoll il-mard tar-ruħ.

San Ġorġ Preca kien iħobb jirrepeti din it-talba: “Ġesù, kun għalija Salvatur”. Aħna u nirrepetuha, nitolbu lil Ġesù Salvatur biex ikompli jfejjaq u biex jeħlisna minn din il-burraxka. Ġesù nnifsu jsejjaħ lilu nnifsu “It-Tabib”. Meta nduna li kien hemm xi wħud li qed jitkażaw bil-midinbin, li donnhom m’għandomx bżonn il-ħniena, jgħid: “Jiena lill-midinbin ġejt insejjaħ”. Kienu qegħdin jilmentaw li hu jagħmilha mal-midinbin u jiekol magħhom. Kif tafu, fil-kultura semitika, li tiekol ma’ xi ħadd ifisser li ssir ħabib intimu tiegħu, li jilqgħek u inti tilqgħu. U Ġesù, din kien jagħmilha mal-midinbin, kien jiekol magħhom. Din kienet it-tgergira ta’ min kien mingħalih jaf iżjed u l-Mulej jgħid: ‘It-tabib min hu marid għandu bżonnu u jiena ġejt biex kull min għandu bżonn ifieq, isib il-fejqan’.

Għalhekk, Ġesù stess jindika lilu nnifsu li mhuwiex biss it-tabib imma huwa wkoll il-mediċina.

Mosè, waqt li qed jipprova jmexxi fid-deżert poplu ta’ rasu iebsa, jerġa’ jimbokka f’waħda mill-ħafna kriżijiet u mumenti diffiċli. Ħin minnhom, il-poplu jiġi attakkat minn sriep velenużi u Mosè ma jafx x’se jaqbad jagħmel. Il-Mulej jgħidlu: “Agħmel serp tal-bronż, u arbulah bħal stendard; u kull min jingidem u jħares lejh ifiq u jgħix” (Num 21:8). Huwa proprju għalhekk li s-simbolu assoċjat ma’ Mosè hu bastun forma tal-ittra ‘t’ b’serp imdawwar miegħu.

Imma s-simbolu ta’ Mosè għaliex nużawh ukoll għat-trasfigurazzjoni? Għaliex Ġesù juża din ix-xbieha għalih stess. Lil Nikodemu, dak li mar isibu biex ikellmu billejl, Ġesù qallu: “Bħalma Mosè għolla s-serp fid-deżert, hekk jeħtieġ li jitgħolla Bin il-Bniedem biex kull min iħares lejh isalva, biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem. Alla hekk ħabb id-dinja li bagħat lil Ibnu waħdieni biex kull min jemmen fih isalva” (Ġw 3:14-15). Għalhekk, Ġesù stess jindika lilu nnifsu li mhuwiex biss it-tabib imma huwa wkoll il-mediċina. Aħna u nħarsu lejn is-Salvatur, narawh bħala t-tabib ta’ ruħna.

Fl-1950 San Ġorġ Preca kiteb il-kiteb Is-Salm Vanġeliku tas-Sirijaku. Dan il-ktieb miktub 70 sena ilu huwa djalogu ta’ San Ġorġ Preca ma’ Ġesù. Ħin minnhom Dun Ġorġ isejjaħ lill-Mulej bħala t-tabib tagħna. Imma qabelxejn jogħxa bid-dehra li qed niċċelebraw illum tat-Trasfigurazzjni. “L-għaxqa tal-iskulari tiegħek hija li jisimgħu l-Kelma tiegħek għax jafu min inti, int li titkellem. Missirijietna taw xhud fuqek li Alla l-Missier tiegħek stqarrek veru Ibnu u li fik ra l-għaxqa tiegħu nnifsu u kkmandana li lilek nisimgħu”. Dun Ġorġ qed jikkumenta fuq is-silta li smajna mill-Evanġelju tal-lum, meta mis-sħaba kollha dija jinstema il-leħen tal-Missier li jgħid: “Dan hu ibni l-għażiż li sibt fih il-għaxqa tiegħi, isimgħu lilu” (Mt 17:5). Nafu li huwa l-leħen tal-Missier għaliex lil Ġesù jsejjaħlu ibnu u ma jistax ikun hemm iben mingħajr missier bħalma ma jistax ikun hemm missier jekk ma jkollux l-iben.

Il-pandemija, jekk għallmitna xi ħaġa, għallmitna nagħmlu kont mal-beżgħat tagħna.

“Pietru, Ġwanni u Ġakbu miegħek fuq il-muntanja raw u semgħu kollox u tant u tant beżgħu”. Il-Mulej, hu u jmiss id-dixxipli tiegħu, jgħidilhom mhux biss qumu bħalma qal lit-tifla ta’ Ġajru: “Tfajla, qum”, imma qalilhom ukoll: “La tibżgħux” (Mt 17:7).

Il-pandemija, jekk għallmitna xi ħaġa, għallmitna nagħmlu kont mal-beżgħat tagħna. Illum is-Salvatur imissna fuq spallejna u jgħidilna: ‘Taqtax qalbek, agħmel kuraġġ, la tibżax’. Meta tisma’ rakkonti ta’ nies li jneħħu ħajjithom għaliex tilfu t-tama, forsi għax tilfu l-ġid kollu li kellhom jew għax ma jistgħux jaffrontaw is-salib tal-mard u tat-tbatija, aħna x’risposta se jkollna? Niftakru f’dik il-messa ħelwa ta’ Ġesù: “Qumu u la tibżgħux”.

San Ġorġ Preca jsejjaħ lil Ġesù ‘tabib’. “Tabib li jaf jagħtina r-riċetti li għandna bżonn, tabib li se jieħu ħsiebna. Iva, inti t-tabib tagħna u aħna naċċettaw kull riċetta li inti tiktbilna għax nafu tajjeb min inti inti”. Kemm hi kbira l-fiduċja ta’ Dun Ġorġ fis-Salvatur! Qed jgħidlu li aħna nafu min int; allaħares ma kontx int għalin. Allura, ir-riċetta li se tagħtina għas-saħħa tagħna, fil-ġisem u r-ruħ, se neħduha bis-serjetà. “Inti tagħmel għas-saħħa tar-ruħ bħalma jagħmlu t-tobba l-oħra għas-saħħa tal-ġisem. Dawn jikkuraw il-ħwejjjeġ bi ħwejjeġ kuntrari: għall-kesha jordnaw is-sħana u għas-sħana jordnaw ħwejjeġ kesħin. Inti, lis-suppervi tordnalhom l-umiltà biex ifiqu, lix-xħaħ tordnalhom il-ġenerożità li jiftħu jdejhom, lill-odjużi tordnalhom l-imħabba, liż-żienja tordnalhom il-kastità, lill-furjużi,” dawk li jitlalgħom malajr, “tordnalhom il-manswetudni u l-ħlewwa, lill-għażżenin tordnalhom il-bżulija u li-żaqqeqin is-sawm”. Kemm kien ħelu Dun Ġorġ isemmi lil kulħadd biex kulħadd ikollu xi riċetta tas-Salvatur.

“Int, int tabib” jgħid Dun Ġorġ lil Ġesù. “Int, int tabib li nżilt mis-sema biex tfejjaqna basta però aħna nkunu rridu tassew infiequ. Beatu min joqgħod għall-osservanza tar-riċetti tiegħek għax ifieq u ma jara l-mewt qatt!”.

Aħna u niċċelebraw din il-festa partikolari, illum 6 ta’ Awwissu, ejjew nitolbu l-barka ta’ Ġesù Salvatur fuq id-dinja kollha. Ippermettuli nagħmel ħsieb partikolari fuq in-nazzjon għażiż tal-Libanu, il-belt ta’ Bejrut, li sfat ħerba minħabba n-negliġenza tal-bnedmin. Ejjew nitolbu biex is-Salvatur ifarraġ lil min tilef lill-għeżież tiegħu, jagħti l-mistrieħ ta’ dejjem lill-vittmi innoċenti, u jagħti l-qawwa lil min irid jieħu deċiżjonijiet iebsa biex dan il-pajjiż jerġa’ jieqaf fuq saqajh.

Imma nitolbu ukoll lis-Salvatur biex ibierek mhux biss lid-dinja u jeħlisna minn din il-pandemija, imma jbierek ukoll lil pajjiżna. Ġesù jgħallimna li naħdmu kemm naħdmu, u nistinkaw kemm nistinkaw għall-ġid ta’ did-dinja, għandna bżonn ukoll naħdmu għall-ġid li jibqa’ għal dejjem. Naħdmu u ngħożżu lil xulxin biex ingawdu s-saħħa fil-ġisem imma ngħinu lil xulxin biex ikollna s-saħħa fir-ruħ. Ġesù inti t-tabib tar-ruħ tagħna, int ġejt fid-dinja biex tfejjaqna, agħmel li l-ħarsa tagħna fuqek illum iġġibilna sliem fil-qalb u saħħa fir-ruħ u l-ġisem.

Viva Ġesù Salvatur!   

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Dan 7: 9-10. 13-14
Salm: 96
Qari II: 2 Pietru 1: 16-19
Evanġelju: Mt 17:1-9

More Photos >>