Fl‑2019 l‑Arċidjoċesi taMalta, li tiġbor fiha aktar minn 100 entità u timpjega aktar minn 1,300 persuna, irreġistrat surplus ta’ €3.5 miljun, imqabbel ma’ żbilanċ ta’ €137,000 is‑sena ta’ qabel. Dan ir‑riżultat huwa dovut l‑aktar għal dħul ta’ darba ta’ €2.4 miljun f’ishma li rċevew b’donazzjoni d‑Dar tal‑Providenza u Caritas Malta. 

Dan tħabbar mis‑Segretarju Amministrattiv tal‑Arċidjoċesi Michael Pace Ross waqt konferenza tal‑aħbarijiet fil‑Kurja tal‑Arċisqof, li qal li s‑surplus tas‑sena l‑oħra ma kienx biżżejjed biex jagħmel tajjeb għall‑isfidi finanzjarji kbar li ġabet magħha l‑pandemija tal‑COVID‑19 fuq l‑operat tal‑Knisja f’Malta, u għalhekk l‑Arċidjoċesi kellha tirrikorri għall‑flus imġemmgħin fil‑passat.  

Ir‑riżultati finanzjarji għall‑2019 juru li l‑Arċidjoċesi rreġistrat żieda fid‑dħul ta’ kważi €6 miljuni dovuti l‑iktar għal żieda fil‑qligħ kapitali fuq l‑investimenti u żieda fid‑dividend mill‑APS Bank. Ġew irreġistrati wkoll żidiet fid‑dħul minn wirtijiet u minn fondi pubbliċi b’mod partikolari għall‑finanzjament tas‑salarji tal‑iskejjel tas‑Seminarju u s‑Sacred Heart, kif ukoll fondi għall‑proġetti mill‑Unjoni Ewropea.

L‑Arċidjoċesi rreġistrat żieda fl‑infiq ta’ €4.8 miljun. 60% tal‑infiq mar għall‑pagi tal‑kleru u l‑lajċi, filwaqt li 20% kienu spejjeż tal‑operat. Kien hemm ukoll żieda ta’ 47% fl‑infiq ta’ manutenzjoni, restawr u konservazzjoni, filwaqt li l‑Arċidjoċesi ħallset kważi €1.4 miljun f’taxxa.

Il‑Kurja tal‑Arċisqof irreġistrat telf marġinali ta’ €31,000 wara li s‑surplus tqassam kollu f’sussidji lill‑entitajiet tal‑Knisja. Dan huwa titjib meta mqabbel ma’ żbilanċ ta’ €1.36 miljun is‑sena ta’ qabel. Id‑dħul tal‑Kurja żdied b’€2.42 miljun, prinċipalment mill‑investimenti, filwaqt li l‑infiq żdied b’€1.17 miljun. Matul l‑2019 il‑Kurja wettqet diversi xogħlijiet ta’ restawr u konservazzjoni fil‑bini tal‑Kurja, inkluż ir‑restawr tal‑faċċata tal‑istess binja. L‑ispiża fuq xogħlijiet u restawr telgħet għal €684,000, aktar mid‑doppju mis‑sena ta’ qabel.

Is‑Sur Pace Ross tkellem ukoll dwar l‑effetti xejn sbieħ li l‑pandemija ħalliet fuq il‑finanzi tal‑Arċidjoċesi din is‑sena. Spjega li d‑dħul naqas minn kullimkien: mill‑ġbir waqt il‑quddies, mid‑donazzjonijiet, mill‑investimenti, u mid‑dividend tal‑APS Bank li mhux se jingħata din is-sena fuq rakkomandazzjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew. Ġie rreġistrat ukoll tnaqqis sostanzjali fid‑dħul tas‑Seminarju, tad‑Dar tal‑Providenza, ta’ Beacon Media Group u ta’ entitajiet oħra. Naqas ukoll id‑dħul minn turisti li jżuru knejjes parrokkjali ewlenin u mill‑mużew tal‑Katidral tal‑Imdina. Dan filwaqt li żdiedu s‑sussidji għall‑entitajiet tal‑Knisja u t‑talbiet minn individwi u familji fil‑bżonn.

F’isem l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna, Michael Pace Ross irringrazzja lill‑ħaddiema li qed jagħtu sehemhom u lill‑għadd ta’ voluntiera li avviċinaw lill‑Knisja f’dawn l‑aħħar xhur, biex minkejja s‑sitwazzjoni finanzjarja diffiċli l‑Arċidjoċesi ta’ Malta setgħet tibqa’ twettaq il‑ħidma pastorali tagħha. Fl‑istess waqt, il‑Knisja qed tappella għad‑donazzjonijiet fuq knisja.mt/donazzjonijiet biex tkompli toffri s‑servizzi tagħha lill‑persuni emarġinati u dawk l‑aktar fil‑bżonn fis‑soċjetà.

Agħfas hawn biex tniżżel ir-rapport finanzjarju tal-Arċidjoċesi ta’ Malta għas-sena 2019.