Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Niddedikaw din il-katekeżi tal-lum lit-talba tal-ġusti.
Il-pjan ta’ Alla għall-bnedmin hu kollu tjieba, imma fil-ħajja tagħna ta’ kuljum inġarrbu l-preżenza tal-ħażen: hija esperjenza ta’ kuljum. L-ewwel kapitli tal-ktieb tal-Ġenesi jiddeskrivu kif ftit ftit id-dnub beda jixtered fil-ħajja tal-bniedem. Adam u Eva (ara Ġen 3:1-7) jiddubitaw il-fehmiet tajbin ta’ Alla, u jaħsbu li qed jagħmluha ma’ xi divinità għajjura, li ma tridx il-ferħ tagħhom. Minn hawn toħroġ ir-ribelljoni: ma jibqgħux jemmnu f’Ħallieq ġeneruż, li jixtieq il-ferħ tagħhom. Qalbhom iċċedi għat-tentazzjoni tal-ħażin u tinħakem minn dellirju ta’ omnipotenza: “Jekk nieklu mill-frott tas-siġra, insiru bħal Alla” (ara v. 5). U din hi t-tentazzjoni: din hi l-ambizzjoni li tidħol fil-qalb. Imma l-esperjenza teħodhom f’direzzjoni opposta: għajnejhom jinfetħulhom u jiskopru li huma għarwenin (v. 7), bla xejn fuqhom. Tinsewhx dan: it-tentatur ma jħallasx tajjeb, iħallas ħażin.
Il-ħażen isir iżjed qerriedi mat-tieni ġenerazzjoni umana, iktar jitqawwa: għandna l-istorja ta’ Kajjin u Abel (ara Ġen 4:1-16). Kajjin jgħir għal ħuh: jidħol id-dudu tal-għira; imqar jekk hu kien l-iben il-kbir, jara lil Abel bħala għadu tiegħu, wieħed li qed jhedded il-primat tiegħu. Jitfaċċa l-ħażen fil-qalb tiegħu u Kajjin ma jirnexxilux jaħkmu. Il-ħażen jibda dieħel fil-qalb tiegħu: il-ħsibijiet ikunu dejjem li jara lill-ieħor f’dawl ikrah, b’suspett. U dan jiġri wkoll bil-ħsieb: “Dan bniedem ħażin, se jagħmilli l-ħsara”. U dan il-ħsieb jidħollu f’qalbu… U hekk l-istorja tal-ewwel fraternità tagħlaq b’omiċidju. Tiġini f’moħħi llum il-fraternità umana… gwerra kull fejn tħares.
Fid-dixxendenza ta’ Kajjin jiżviluppaw il-mestieri u l-bosta arti, imma tiżviluppa wkoll il-vjolenza, espressa mill-għanja kiefra ta’ Lamek, li ddoqq qisha innu ta’ vendetta: “Qtilt raġel għax ġeraħni, u żagħżugħ għax benġilni […] Għax seba’ darbiet jitħallas Kajjin, imma Lamek sebgħa u sebgħin darba” (Ġen 4:23-24). Il-vendetta: “Għamilt hekk, mela jkollok tħallas”. Imma dan mhux l-imħallef jgħidu, qed ngħidu jien. Insir jien l-imħallef tas-sitwazzjoni. U hekk il-ħażen jinfirex bħal dabra taż-żejt, sakemm jieħu l-wisa’ fuq il-kwadru kollu: “U l-Mulej ra li l-ħażen tal-bniedem kien kiber fuq l-art; u f’qalbu ma kienx għajr li jfassal il-ħażen il-jum kollu” (Ġen 6:5). L-affreski kbar tad-dilluvju universali (kap. 6-7) u tat-torri ta’ Babel (kap. 11) juru li hemm bżonn ta’ bidu ġdid, bħal ħolqien ġdid, li jsib il-milja tiegħu f’Ġesù Kristu.
Imma, f’dawn l-ewwel paġni tal-Bibbja, hemm imniżżla wkoll storja oħra, li tiġbed inqas attenzjoni, waħda ħafna iżjed umli u devota, li tirrappreżenta r-rahan tat-tama. Jekk kważi kulħadd iġib ruħu b’mod ħażin, u jagħmlu mill-mibegħda u mill-ħakma fuq l-oħrajn il-mutur il-kbir tal-ħajja umana, hemm persuni li kapaċi jitolbu lil Alla b’sinċerità, kapaċi jiktbu d-destin tal-bniedem b’mod differenti. Abel joffri lil Alla s-sagrifiċċju tal-ewwel frott tiegħu. Wara l-mewt tiegħu, Adam u Eva kellhom it-tielet tifel, Set, li minnu twieled Enos (li jfisser “mortali”), u naqraw: “Imbagħad bdew isejħu isem il-Mulej” (4:26). Imbagħad jidher Ħenok, persunaġġ li “kien jimxi ma’ Alla” u li Alla ħadu miegħu fis-Sema (ara 5:22,24). U fl-aħħar għandna l-istorja ta’ Noè, bniedem ġust li “kien jimxi sewwa ma’ Alla” (6:9), li minħabba fih Alla jerġa’ jaħsibha jekk għandux jeqred l-umanità (ara 6:7-8).
Meta naqraw dawn ir-rakkonti, nieħdu l-impressjoni li t-talb huwa l-post fejn jistkenn il-bniedem quddiem il-mewġa qawwija tal-ħażen li qed togħla fid-dinja. Ħarsa aktar mill-qrib twassalna biex nitolbu wkoll biex niġu salvati minna nfusna. Importanti nitolbu: “Mulej, nitolbok, salvani minni nnifsi, mill-ambizzjonijiet tiegħi, mill-passjonijiet tiegħi”. In-nies ta’ talb fl-ewwel paġni tal-Bibbja huma nies li jġibu l-paċi: fil-fatt, it-talb, meta hu awtentiku, jeħlisna mill-istinti ta’ vjolenza u huwa ħarsa fuq Alla, biex jerġa’ lura hu jieħu ħsieb il-qalb tal-bniedem. Naqraw fil-Katekiżmu: “Din is-sura ta’ talb jgħixuha kotra kbira ta’ ġusti fir-reliġjonijiet kollha” (KKK, 2569). It-talb ixettel meded ħadrana ta’ twelid ġdid f’postijiet fejn il-mibegħda tal-bniedem kienet kapaċi biss tkabbar id-deżert. U t-talb hu b’saħħtu, għax jiġbed il-qawwa ta’ Alla u l-qawwa ta’ Alla dejjem hi ħajja: dejjem. Huwa Alla tal-ħajja, u jwelled mill-ġdid.
Għalhekk is-saltna ta’ Alla tgħaddi mill-katina ta’ dawn l-irġiel u nisa, li spiss sabu min ma jifhimhomx jew iwarrabhom mid-dinja. Imma d-dinja tgħix u tikber grazzi għall-qawwa ta’ Alla li dawn il-qaddejja tiegħu jattiraw bit-talb tagħhom. Huma katina li xejn ma tagħmel storbju, li qajla tispikka qalb l-unuri tal-kronaka, imma tant hi importanti biex trodd fiduċja lid-dinja! Qed niftakar fl-istorja ta’ raġel: kap ta’ gvern, importanti, mhux fi żmienna, fi żminijiet imgħoddija. Ateu li ma kellu ebda sens reliġjuż fil-qalb tiegħu, imma meta kien għadu żgħir kien jisma’ lil nanntu titlob, u dan baqa’ stampat fil-qalb tiegħu. U f’mument diffiċli ta’ ħajtu, dik it-tifkira reġgħet lura fil-qalb tiegħu u qal: “Imma n-nanna kienet titlob…”. U hekk beda jitlob b’dak li kienet tħobb tirrepeti n-nanna u hemm sab lil Ġesù. It-talb hu katina ta’ ħajja, dejjem: tant bnedmin li jitolbu, ikunu jiżirgħu l-ħajja. It-talb jiżra’ l-ħajja, it-talba ċkejkna: għalhekk importanti ħafna ngħallmu lit-tfal jitolbu. Insewwed qalbi meta nara tfal li ma jafux iroddu s-salib. Hemm bżonn ngħallmuhom iroddu s-salib kif imiss, għax din hi l-ewwel talba. Importanti li t-tfal jitgħallmu jitolbu. Imbagħad, forsi, jafu jinsew, jaqbdu triq oħra; imma l-ewwel talbiet li jkunu tgħallmu fi ċkunithom jibqgħu f’qalbhom, għax huma żerriegħa ta’ ħajja, iż-żerriegħa tad-djalogu ma’ Alla.
Il-mixja ta’ Alla fl-istorja tgħaddi permezz tagħhom: huwa għadda minn ġo “fdal” tal-umanità li ma qagħadx għal-liġi ta’ min hu l-aktar b’saħħtu, imma talab lil Alla jwettaq il-mirakli tiegħu, u fuq kollox biex jibdel il-qalb tagħna tal-ġebel f’qalb tal-laħam (ara Eżek 36:26). U dan jgħin fit-talb: għax it-talb jiftaħ il-bieb għal Alla, jibdel il-qalb tagħna, ħafna drabi tal-ġebel, f’qalb umana. U hemm bżonn ta’ ħafna umanità, u bl-umanità nitolbu kif imiss.
Maqlub għall-Malti minn Francesco Pio Attard