L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

“Ejjew għandi intom ilkoll li intom imtaqqlin u jiena nserraħkom” (Mt 11:28). Aħna hekk għamilna llum: obdejna l-istedina ta’ Ġesù. Mgħaffġin bin-niket, konfużi bil-ġrajja qalila li ħasdet lil Miriam, aħna nersqu lejn Ġesù u lejn ommu nfittxu l-faraġ. Mingħajru ftit jagħmel sens għax jekk inti tipprova tifhem x’sens fiha li omm tispiċċa mirduma minn darha stess? Ma fihiex sens. U aħna forsi lil Alla lanqas se nitolbuh jispjegalna, imma nersqu lejh għall-faraġ.

Nersqu lejh ukoll nitolbuh li lil din l-omm jagħtiha dik id-dar li ma tiġġarraf qatt, għamara li ma jeħodilha ħadd. Ġesù ħin minnhom jgħid: “Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna għamajjar” għax dak huwa d-destin tagħna. Id-destin tagħna huwa li nersqu lejh u li nħalluh jgħannaqna bil-ħniena u l-maħfra tiegħu. Bħalma jgħallimna Missierna San Pawl: pajjiżna huwa s-sema, “Aħna pajżana tas-sema pajjiżna” (Fil 3:20).

Illum il-fidi tagħna ssaħħaħna f’din iċ-ċertezza li Miriam qiegħda mħaddna mill-ħniena tal-Mulej. Għandna dritt ngħidulu: ‘Xtaqna ngawduha iżjed’; lill-Mulej għandna dritt nistaqsuh: ‘Imma għaliex?’ Lill-Mulej għandna dritt ngħidulu: ‘Imma int hekk tagħmel mal-qaddejja fidili tiegħek?’ U niftakru f’ommu Marija li tagħha Miriam kienet iżżomm mhux biss l-isem imma mħabba kbira. U niftakru fil-Madonna f’riġlejn is-salib ta’ binha. Ma tkellmitx, ma staqsitx, sofriet, intelqet f’idejn Alla. Bkiet, ingħaqdet mat-tbatija ta’ binha li ħin minnhom bħalma nħossu li ngħidu aħna, għajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi għaliex tlaqtni?” (Mt 27:46), għaliex abbandunajtni? F’dak il-mument Ġesù minn fuq is-salib jingħaqad ma’ kull dubju, ma’ kull diffikultà, ma’ kull mistoqsija tagħna. Imma ma niżilx minn fuq is-salib, vittma innoċenti vittma tal-inġustizzja tal-bnedmin.

Aħna nixtiequ nsellmu l-memorja ta’ Miriam imma nibgħu nemmnu li hi qrib tagħna u waħda minnha fil-misteru kbir tax-xirka tal-qaddisin. Għax aħna hekk ngħidu, hekk għallmuna l-ġenituri tagħna: ‘Nemmen fil-maħfra tad-dnubiet, fil-qawma mill-imwiet, nemmen fix-xirka tal-qaddisin’ (Kredu).

M’aħniex qed nitolbu ħafna affarijiet. Qed nitolbu biss li meta nkunu f’darna, inħossuna safe.

U allura għalkemm bejna u bejn Miriam hemm l-istar, hemm il-velu tal-mewt, aħna nemmnu li mill-ħajja ta’ dejjem u mit-tgħanniqa li fiha qiegħda, hi hija magħna. L-Ewkaristija li qegħdin niċċelebraw mhijiex għall-mejtin imma għall-ħajjin għax bħalma jgħid Ġesù stess: “Quddiem Alla kulħadd jgħix. Alla mhuwiex Alla tal-mejtin imma Alla tal-ħajjin”.

Aħna nixtiequ wkoll nitolbu ġustizzja għal Miriam, ġustizzja fil-verità. M’aħniex qed nitolbu vendetta imma ġustizzja. U għalhekk nissaportjaw lill-awtoritajiet tal-Istat fil-ħidma tagħhom biex din it-talba tagħna mhux biss jisimgħuha imma jwettquha, biex huma ma jħossuhomx weħidhom imma jħossu li għandhom is-sapport ta’ kull wieħed u waħda minna. Għax aħna  m’aħniex qed nitolbu ħafna affarijiet. Qed nitolbu biss li meta nkunu f’darna, inħossuna safe.

U aħna nitolbu għall-awtoritajiet tal-Istat biex din it-talba ċkejkna imma importanti għalina, għal kull wieħed u waħda minna mhux biss jisimgħuha imma, kif qalu huma stess, iwettquha b’kull mezz possibbli. L-awtoritajiet jissorveljaw il-bini, ma jridux ikunu faċċata imma jrid ikollhom dak kollu li hemm bżonn biex jagħmlu dmirhom. L-istudji fuq l-art ta’ din il-gżira ċkejkna jridu jkunu kompluti biex jgħinu li d-deċiżjonijiet li jsiru, isiru sew.

Nixtiequ wkoll nitolbu ġustizzja għal Miriam, ġustizzja fil-verità. M’aħniex qed nitolbu vendetta imma ġustizzja.

Wieħed jistaqsi imma kellha bżonn tmut Miriam biex din il-ħaġa tkun daqshekk ċara fil-moħħ u l-qalb tagħna? Għall-magħmul m’hemmx kunsill. Imma aħna li ltqajna b’mod dinjituż biex nitolbu għal din oħtna, nitolbu wkoll għall-interċessjoni tagħha. U nissapportjaw il-familja tagħha u nirringrazzja anke lil Fr Alex u oħrajn li qed iniehdu kampanja ta’ sapport għall-familja Pace u għal familji oħrajn li tilfu djarhom. Ma kellhomx l-isfortuna, allaħares li jitilfu lil xi ħadd għażiż, imma inti toħroġ minn darek u tirritorna biex issib borġ ġebel, ma nixtiquha lil ħadd. Ma  nixtiquha lil ħadd!

U allura llum il-kelma tagħna tkun l-ewwel nett għal Miriam, grazzi lilha għax kienet mara eżemplari u omm għal uliedha, mara għal żewġha, ħabiba ta’ dan is-santwarju bażilika, devota tal-Madonna tal-Karmnu. Miriam, insellmulek u nirringrazzjawk u nitolbu għalik. U għalina ejjew l-aħwa, nitqawwew fil-fidi tagħna f’Ġesù li wara li ngħaddu minn dan il-wied tad-dmugħ, qed iħejji għalina, u diġà ħejja għal kull wieħed u waħda minna, għamara, dar li ma jġarrafha ħadd.

Agħtiha o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, tistrieħ fis-sliem.    

Ammen

✠ Charles J. Scicluna
     Arċisqof ta’ Malta