-
Sommarju
-
Il‑bniedem, mhux l‑‘alla tal‑flus’, għandu jkun fiċ‑ċentru tas‑sistemi soċjali u ekonomiċi, jekk irridu li ssaltan il‑ġustizzja soċjali.
Dan hu l‑messaġġ ewlieni tad‑dokument ippubblikat mill‑Kummissjoni Ġustizzja u l‑Paċi u l‑Kummissjoni Emigranti tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta, li jfakkar il‑Jum Dinji għall‑Ġustizzja Soċjali, llum it‑Tlieta, 20 ta’ Frar. Illum mistednin niftakru li l‑faqar hu reali u li hemm wħud minnha li qed jitqabdu biex jgħixu, u li aħna msejħin nieħdu azzjoni konkreta biex jinqered il‑faqar f’kull forma tiegħu, għax kif qal il‑Papa Franġisku fl‑Anġelus t’Ottubru li għadda: “Il‑faqar mhuwiex sfortuna inevitabbli: il‑kawżi tiegħu jridu jiġu identifikati u jitneħħew.”
Bħalma t‑tema magħżula mill‑Nazzjonijiet Magħquda għall‑Jum Dinji għall‑Ġustizzja Soċjali 2018 tiffoka fuq il‑migrazzjoni, id‑dokument jirrifletti dwar kif nagħmlu l‑liġijiet u l‑policies ta’ Malta dwar il‑migrazzjoni u l‑ażil aktar ġusti, billi niffukaw fuq in‑nies. Isejjaħ ukoll lill‑Gvern biex jimplimenta l‑miżuri li ġejjin, li għandhom jipprovdu trattament iktar ugwali għall‑immigranti u r‑refuġjati li qed jgħixu fostna:
- Li jinħoloq qafas legali b’saħħtu biex jipproteġi lill‑ħaddiema immigranti, partikolarment meta r‑reklutaġġ u t‑tħaddim tagħhom qed jiġi ffaċilitat biex ikompli jiżdied it‑tkabbir ekonomiku kif ukoll jiġi assigurat li dawn il‑bnedmin ma jitqisux sempliċiment bħala xogħol irħis li jintrema meta m’hemmx iktar bżonnu.
- Li jitqiesu l‑bżonnijiet tal‑benefiċjarji ta’ protezzjoni biex ikollhom stabbiltà u inklużjoni sħiħa fis‑soċjetà tagħna, u jitranġaw il‑liġijiet taċ‑ċittadinanza tagħna biex jiffaċilitaw l‑aċċess tagħhom għaċ‑ċittadinanza.
- Il‑benefiċjarji ta’ protezzjoni sussidjarja jingħataw id‑dritt li jerġgħu jingħaqdu mal‑familji tagħhom f’Malta. Hu impossibbli li n‑nies jerġgħu jibnu ħajjithom jekk parti minnhom tkun f’pajjiż ieħor, possibbilment f’riskju ta’ periklu.
- Li jiġu aċċettati s‑sejħiet għall‑ħolqien ta’ mezz legali li jirregolarizza lill‑immigranti li ma jistgħux jirritornaw lura u li għamlu Malta d‑dar tagħhom, sabiex jippermettilhom jgħixu b’dinjità u jiksbu l‑potenzjal sħiħ tagħhom.
Filwaqt li dawn ir‑rakkomandazzjonijiet huma primarjament indirizzati lill‑Gvern, bħala l‑entità li għandha s‑setgħa li twettaq il‑bidliet leġiżlattivi meħtieġa, il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u l-Kummissjoni Emigranti jisħqu li hu d‑dmir tal‑Insara kollha li jaħdmu għall‑ġustizzja. L‑appell jgħodd għalina kollha biex naħdmu għall‑promozzjoni tal‑ġustizzja lejn l‑immigranti u r‑refuġjati fil‑ħajja tagħna ta’ kuljum, speċjalment matul żmien ir‑Randan, billi:
- Niġġieldu kontra l‑indifferenza f’ħajjitna, nerġgħu naħsbu dwar l‑għażliet tal‑istil tal‑ħajja tagħna u nkunu aktar konxji tal‑ħtiġijiet ta’ ħaddieħor;
- Nilqgħu lill‑barrani – inwarrbu l‑barriera ta’ difiża, biża’ u indifferenza u niftħu qlubna, il‑komunitajiet u l‑parroċċi tagħna għall‑immigranti u r‑refuġjati;
- Nirrispettaw id‑dinjità tal‑immigranti u r‑refuġjati billi: niżguraw li t‑trattamenti kollha tagħna magħhom ikunu kkaratterizzati b’rispett u ġustizzja; nieqfu għall‑intolleranza, il‑preġudizzju, ir‑razziżmu u l‑istmerrija qawwija lejn il‑barrani; u nqisu lil kull immigrant u refuġjat bħala persuna bħalna;
- Naħdmu biex niksbu ugwaljanza vera billi nagħmlu l‑parti tagħna ħalli niżguraw li l‑kawżi strutturali tal‑faqar u l‑inġustizzja jiġu indirizzati minn dawk li għandhom is‑setgħa li jagħmlu dan.
Id‑dokument, filwaqt li jirrikonoxxi d‑diffikultajiet dejjiema f’din il‑battalja għall‑ġustizzja soċjali, iħeġġeġ lil kull wieħed u waħda minna biex ma jitlifx it‑tama, bl‑għarfien li qed naħdmu biex niksbu s-saltna ta’ Kristu Rxoxt, li “jġib il-ġustizzja lill‑ġnus”.