L-istaġun tal-Milied… rigali li jridu jinxtraw, nies li trid tiltaqa’ magħhom, avvenimenti li trid tmur għalihom, ikel x’tipprepara, karitajiet li trid tgħin, u ħafna iktar.

Għal xi wħud, dan hu l-isbaħ żmien tas-sena u għalkemm żgur li jġib il-ferħ , jista’ wkoll isir wisq biex dak li jkun ilaħħaq miegħu.

Filwaqt li hi ħaġa sabiħa li wieħed jipparteċipa f’dawn l-attivajiet kollha matul żmien li jlaqqgħak ma’ tant nies, kultant naċċettaw wisq affarjiet. Kultant ngħidu ‘iva’ għal kollox bla ma nevalwaw kif se taffettwana kemm fuq livell personali kif ukoll fuq l-impenji l-oħra li nkunu ġa ħadna. Jekk għandek it-tendenza li tinkwieta li se tiddiżappunta lin-nies meta tgħid ‘le’, forsi għax jaħsbuk li ma tħobbx tgħin jew għax iwarrbuk kompletament, nifhmek aktar milli taħseb.

Hemm differenza bejn li tgħid ‘iva’ wara li tkun ħadt ħinek taħseb dwarha u meta tgħid ‘iva’ għax tibża’ li ma tkunx aċċettat. Waħda ġejja minn post ta’ serenità, l-oħra hi sfurzata mill-biża’. Dan il-Milied nistgħu nagħtu l-grazzja lilna nfusna billi naraw għandniex naċċettaw stedini għal ħruġ, talbiet għall-għajnuna jew attivitajiet oħra, wara li nkunu evalwajna humiex se jżidu mal-paċi interna jew le. Billi nammettu li nsibuha diffiċli ngħidu ‘le’, nistgħu nibdew inkunu iktar konxji biex ħajjitna tkun iktar ibbażata fuq il-prijoritajiet tagħna, speċjalment matul dan iż-żmien.

Il-fatt hu li m’hemmx ħin għal kollox u għal kulħadd. Jekk ma jkollniex ħin biex nagħmlu dak li jġibilna l-aktar ferħ, jew inkunu man-nies li l-aktar inħobbu, allura m’għandniex biżżejjed ħin. Wara kollox, x’inhu l-ispirtu tal-Milied jekk mhux biex ngħixu l-iskop veru tal-ferħ? Li ngħidu ‘le’ għal dak li fir-realtà ma nistgħux inwettqu sew u b’mod san mhux biss jagħtina iktar ħajja imma jipprovdi wkoll iktar ħin għal xiex se ngħidu ‘iva’. Dan ifisser li jkollna iktar ħin xi ngawdu mal-familja u l-ħbieb, inħossuna iktar kalmi u napprezzaw is-sbuħija tal-mument preżent.

Matul il-Milied din is-sena, nistgħu nagħtu lilna nfusna l-ħin biex nesperjenzaw il-ferħ tal-aħbar it-tajba, il-ferħ li ngħidu ‘iva’ li jkollna lil Ġesu f’ħajjitna, u l-ferħ li nagħżlu li nqattgħu l-ħin man-nies li nħobbu.

Dan il-Milied, għal xiex se tgħid ‘iva’, li jġiblek il-ferħ?

Missier Qaddis, inti taf ir-realtà u l-impenji tiegħi ta’ kuljum. Agħtini l-grazzja li nkun nista’ ngħid ‘le’ biex ngħid ‘iva’ lilek u l-prijoritajiet fil-ħajja li jġibuli ferħ biex ngħix l-ispirtu veru tal-Milied. Nitlob ukoll għal aktar għerf f’ħajti biex niddistingwi meta għandi ngħid ‘le’ biex inkun nista’ nkun aktar preżenti fil-mument u nkun hemm għall-oħrajn; biex inkun nista’ nagħti mhux minn idejn vojta imma minn qalb mimlija bil-ferħ tiegħek. Ammen.

“U Alla tat-tama jimliekom ilkoll bil-ferħ u s-sliem permezz tal-fidi tagħkom, sabiex it-tama tagħkom toktor bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.”
Rumani 15:13

Miktub minn Sarah Zammit Munro