Vespri1

NHAR IL-ĦADD LI ĠEJ, 29 ta’ Novembru, 2009, l-Arċisqof Pawlu Cremona OP se jżomm l-appuntament annwali tiegħu maż-żgħażagħ fl-okkażjoni tal-bidu tal-Avvent. L-Arċisqof se jkollu laqgħa ta’ talb maż-żgħażagħ, li matulha se jagħtihom messaġġ iddedikat lilhom.

Kien fl-2007, ftit xhur biss wara l-konsagrazzjoni tiegħu bħala Arċisqof ta’ Malta, li Mons Pawlu Cremona OP bagħat l-ewwel ittra tiegħu liż-żgħażagħ.. L-ewwel messaġġ tiegħu kien marbut mat-tema tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ tas-sena ta’ wara – 2008, “Intom ikollkom il-qawwa, meta jiġi l-Ispirtu s-Santu fuqkom, u tkunu xhud tiegħi” (Atti 1:8).

Il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ, fl-okkażjoni ta’ kull bidu ta’ żmien liturġiku ġdid torganizza laqgħa ta’ talb ta’ filgħaxija għaż-żgħażagħ; attività organizzata minn gruppi differenti taż-żgħażagħ f’lokalitajiet differenti madwar Malta. Il-laqgħa fl-okkażjoni tal-bidu tal-Avvent ta’ din is-sena se ssir fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa fis-8:00pm.

“Aħna ż-żgħażagħ se ningabru flimkien għal ħin ta’ talb fid-dawl tas-sejħa tas-Sinodu Djocesan li ‘ninfetħu għas-sbuħija tat-talb flimkien,” spjega Stephen Busuttil mill-KDŻ, waqt li spjega li l-Knisja temmen li hu biss fl-isfond ta’ komunità ta’ mħabba li ż-żgħażagħ jistgħu jikbru bħala bnedmin sħaħ, u din l-esperjenza ta’ talb flimkien hi forma ta’ esperjenza ta’ komunità skond il-wegħda ta’ Kristu li fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismu Huwa jkun hemm f’nofshom.

“Il-Knisja żviluppat talb komuni bil-għan li jingħad mill-membri kollha tagħha, kemm dawk ikkonsagrati u kemm lajċi. It-Talba ta’ Filgħaxija, jew aħjar Vespri, hi talba li meta aħna l-Insara nkunu qegħdin nitolbuha, inkunu qegħdin ningħaqdu ma’ tant Insara fid-dinja kollha li jkunu wkoll jitolbu din l-istess talba,” huwa qal.

It-talba tal-Vespri se tibda bl-Ghasar. Wara l-Arċisqof se jgħaddi l-messaġġ tiegħu liż-żgħażagħ. Il-laqgħa tintemm b’ħin qasir ta’ adorazzjoni, segwit mit-talba tal-Magnificat u l-Barka Sagramentali.

Dan it-talb qed jiġi animat miż-żgħażagħ tal-Mellieha Youth Centre u se jsir b’mod attraenti għaż-żgħażagħ. Is-Santwarju tal-Mellieħa se jkun ukoll armat b’mod li ż-żgħażagħ iħossuhom li qegħdin f’ambjent li jilqagħhom u li fih jistgħu jinġabru għat-talb. Wara l-Vespri se jkun hemm ħin fejn iż-żgħażagħ jitkellmu ma’ xulxin u fejn ikomplu joħolqu ambjent ta’ komunità.

“Inħeġġu ħafna lil dawk il-gruppi/movimenti taż-żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu din l-esperjenza ta’ talb flimkien ma’ gruppi oħrajn fi ħdan id-djoċesi biex jingħaqdu magħna,” qal Stefan. “Tkun żgur esperjenza li tarrikkina kemm bħala individwi, kemm bħala gruppi u kif ukoll bħala djoċesi u Knisja”.

Artiklu miktub minn Stefan Cachia

Vespri2