L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Il-mistoqsija li l-għaref tal-liġi għamel lil Ġesù, kienet mistoqsija importanti ħafna għal-Lhud taż-żmien Ġesù imma wkoll għal diversi ġenerazzjonijiet. Matul iż-żmien tant żviluppaw liġijiet li l-mistoqsija kienet: imma minn dan kollu, liema liġi hija l-iżjed importanti? Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel? Din hi l-mistoqsija li dan l-għaref tal-liġi għamel lil Ġesù. Għalkemm Ġesù kien iben mastrudaxxa, diġà kellu l-fama ta’ bniedem għaref u li jitkellem b’awtorità. Dan l-għaref jistaqsi lil Ġesù l-iżjed domanda importanti għal-Lhud.
Ir-risposta ta’ Ġesù ssir risposta importanti mhux biss għall-għorrief tal-liġi imma għal kull wieħed u waħda minna. Għaliex? Għax ir-risposta ta’ Ġesù, l-ewwel nett tuża l-istedina li għamel Mosè, u li smajnieha fl-Ewwel Qari: “Isma’, o Iżrael” (Dewt 6:4). “Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek” (Dewt 6:5).
Fil-lingwa Maltija l-verb ‘isma’’ għandu l-istess sinifikat mhux biss tas-smigħ imma anke tal-ubbidjenza. Ommok li tħobbok, tgħidlek biex tisma’ minnha. Li tisma’ huwa wkoll li tħobb fl-ubbidjenza. Mela l-istedina li għamel Mosè lill-poplu hija stedina ta’ ubbidjenza fl-imħabba.
Imma Ġesù, waqt li jirrepeti din it-talba, u din il-kelma tant għażiża għall-poplu ta’ Iżrael, “Isma’ Iżrael; il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u ħobb lill-Mulej Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha” (Mk 12:29-30), jitkellem ukoll fuq żewġ imħabbiet oħra. “U tieni hu dan: ‘Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament akbar minn dawn’ (Mk 12:31). Ġesù jgħaqqad flimkien dawn iż-żewġ kmandamenti u jgħallimna tliet imħabbiet importanti.
Nibdew mill-imħabba l-iżjed qrib tagħna nfusna. Isimgħu x’jgħid Ġesù: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mk 12:31). Qed jgħallimna li l-ewwel nett għandna bżonn inħobbu lilna nfusna mhux b’mod egoistiku, imma li nitgħallem ngħid lil Alla: ‘Grazzi Sinjur, talli ħlaqtni, talli għaġġintni, u grazzi ta’ kull ma għandi’. Għaliex il-bniedem ikun għani mhux meta jkollu kollox imma li jgawdi dak li għandu. L-aħwa, nibdew bid-don tal-ħajja; inħobbu lilna nfusna. Ma nagħmlux ħsara lilna nfusna billi morru wara idoli li jkissruna. Min iħobb lilu nnifsu jibża’ għalih innifsu. Kif tista’ tħobb lil ħaddieħor jekk ma tħobbx lilek innifsek fis-sewwa?
Jekk tħobb lilek innifsek tista’ wkoll tħobb lil għajrek, għax il-Mulej jgħidlek, “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (Mk 12:31), u jekk tobgħod lilek innifsek, ma tistax tħobb li għajrek. Ħobb li għajrek, kun ġust; il-kelma tiegħek tkun kelma ta’ verità, ta’ mħabba, ta’ rispett, ta’ mogħdrija u ta’ ħniena. Dak li tixtieq li ħaddieħor jagħmel miegħek, għamlu inti ma’ ħaddieħor.
Ħobb lil Alla. Aħna għandna bżonn lil Alla! Ftakru fil-kelma u t-talba sabiħa ta’ San Ġorġ Preca: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. L-imħabba ta’ Alla timla l-qalb tagħna bil-paċi u l-wens; tagħtina wkoll destin lil hemm mill-ħajja tagħna.
F’dawn il-jiem qed infakkru lill-aħwa li ħallewna, lill-qraba u lill-għeżież tagħna li mietu. Dawn l-ewwel tmint’ijiem tax-xahar ta’ Novembru, meta nżuru l-oqbra tal-għeżież tagħna fiċ-ċimiterji u nitolbu għall-mejtin, niġbdu fuqhom grazzja speċjali: il-maħfra kollha tat-tpattija minn dnubiethom.
Meta nżuru l-oqbra matul dawn il-jiem nitolbu skont l-intenzjoni tal-Papa. Imma dan ix-xahar li aħna nsejħulu x-Xahar tal-Mejtin, fil-verità hu x-xahar tal-ħajjin; għax il-mejtin huma ħajjin quddiem Alla. Alla tagħna “mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin” (Mk 12:27). Għax ħutna li mietu, huma ħajjin quddiemu. Inħobbuhom ukoll billi niftakru fihom u nitolbu għalihom.
Għażież Dun Joshua, int u tibda formalment il-ħidma pastorali tiegħek f’din il-komunità sabiħa u għażiża, infakkrek f’kelma, li l-Ittra lil Lhud tgħid fuq is-saċerdoti: “Għax il-Liġi tqiegħed bħala qassisin il-kbar bnedmin li huma dgħajfa” (Lh 7:28). Jiena naf li inti taf li inti dgħajjef. Għalhekk, għandek bżonn il-ħniena u s-saħħa tal-Mulej u support tal-komunità. Agħti ħajtek lil din il-parroċċa u lil din il-komunità, u l-poplu jieħu ħsiebek. Ħobb lil dan il-poplu, għax għandu qalb kbira.
Jalla l-Mulej jagħtik il-grazzja li tirċievi l-imħabba li tagħti għal mitt darba. Imma ftakar ukoll li s-saċerdozju tiegħek huwa fdat lilek bħala don u responsabbiltà.
Lill-Pietru, imma wkoll lili u lilek, il-Mulej jgħidilna: “’Tħobbuni intom? Irgħu l-merħla tiegħi”.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Qari tal-quddiesa
Qari I: Dewt 6:2-6
Salm: 17:2-3a,3bċ-4,47,51ab
Qari II: Lhud 7:23-28
L-Evanġelju: Mk 12:28b-34