L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Din is-silta mill-ewwel kapitlu tal-Evanġelju skont San Ġwann fiha dizzjunarju żgħir. Ġwanni kien qed jikteb għall-komunità li bħalna ma kinitx komunità Lhudija u allura kellu bżonn ifisser xi kelmiet li l-Poplu ta’ Alla, il-poplu Lhudi, kien jaf ħafna imma li l-popli l-oħrajn kellhom bżonn jifhmu biex japprezzaw min hu Ġesù.
L-ewwel nett nixtieq nagħti u noffri riflessjoni qasira fuq dak li jgħid San Ġwann il-Battista. Ġwanni kellu d-dixxxipli tiegħu; wieħed minnhom kien jismu Indrì u l-ieħor jibqa’ mingħajr isem, imma peress li ħin minnhom jingħata dettall anke tal-ħin li dawn iż-żewġ dixxipli jiltaqgħu ma’ Ġesù, it-tradizzjoni tgħidilna li x’aktarx huwa Ġwanni li kiteb l-Evanġelju. Mela dawn iż-żewġ sajjieda — li kif nafu huma minn Betsajda tal-Galilija — imorru għall-magħmudija ta’ Ġwanni, isiru dixxipli tiegħu u Ġwanni jilmaħ ’il Ġesù, iħares lejh b’attenzjoni donnu qisu jrid jagħmillu x-ray, u jgħidilhom: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla” (Ġw 1:36).
Dan huwa titlu li aħna nużawh ħafna għal Ġesù. Fil-fatt qabel it-tqarbin, bl-ostja kkonsagrata ngħidilkom: “Dan hu l-Ħaruf ta’ Alla”. Dak li jgħid Ġwanni l-Battista fl-Evanġelju tal-lum nirrepetuh f’kull quddiesa, u anke nitolbuh: “Ħaruf t’Alla li tneħħi d-dnubiet tad-dinja, ħenn għalina, Ħaruf t’Alla li tneħħi d-dnubiet tad-dinja agħtina l-paċi” (Litanija Lawretana).
Ġwanni kien jitkellem l-Aramajk, anke Ġesù. Fis-Sirja, qabel il-gwerra, kien hemm żewġ villaġġi li kienu għadhom jitkellmu bl-Aramajk, bil-lingwa ta’ Ġesù. Il-kelma ‘ħaruf’ tista’ tfisser għall-annimal, imma tfisser ukoll ‘qaddej’ u ‘iben’. F’kelma waħda Ġwanni kien qed jagħti tifsira profonda ħafna: araw il-Ħaruf ta’ Alla li se jkun offert b’sagrifiċċju għalina; araw il-qaddej ta’ Alla li se jieħu fuqu d-dnubiet u l-mard tagħna; araw l-Iben ta’ Alla.
Mela din l-espressjoni hija espressjoni għażiża ħafna. Nafuha lil Ġwanni l-Battista mbagħad Ġwanni, fil-ktieb tal-Apokalissi, jelaboraha ħafna u jitkellem dwar it-tieġ tal-ħaruf, imma l-ħaruf huwa Ġesù.
Imbagħad dawn id-dixxipli, malli jindunaw li dan huwa l-ħaruf, il-qaddej, l-iben, imorru wara Ġesù. “Xi tridu?” […] “Rabbi, li tfisser mgħallem, fejn toqgħod?” (Ġw 1:38). U dina hija l-ewwel kelma tad-dizzjunarju ċkejken ta’ tliet kelmiet li jagħtina Ġwanni, jgħid il-kelma bil-Lhudi ‘rabbi’ imma mbagħad ifissirha, li tfisser ‘mgħallem’.
Ġesù jgħallimna. L-għalliem iħobbok billi jagħtik dak kollu li hemm fil-qalb tiegħu, fil-moħħ tiegħu, u jgħinek tikber. L-edukazzjoni hija dik li toħroġ it-tajjeb kollu li hemm fil-persuna, aħna ngħidu l-potenzjal tiegħu. U Ġesù stess juza din il-kelma għalih innifsu: Jien li jien l-imgħallem, u tgħidu tassew li jiena jien il-Mulej, imma jiena l-imgħallem, ir-rabbi (ara Ġw 13:13).
Imbagħad hemm it-tieni kelma li jfisser dik li Indrì juża’ ma ħuh Xmun. Għax dawn it-tnejn għamlu ġurnata ma’ Ġesù. Min jaf x’kienet din l-esperjenza li ħaditilhom qalbhom u ħajjithom kollha. U Indrì, ħu Xmun, imur għand ħuh u jgħidlu: “Sibna l-Messija,” it-tieni kelma tad-dizzjunajru qasir ta’ San Ġwann, u jgħid “li tfisser Kristu” (Ġw 1:41). Ovvjament l-Evanġelju hu miktub bil-Grieg, allura min jaqra Kristos jifhem mill-ewwel li din tfisser il-‘midluk’; il-kelma il-‘messija’ tfisser il-‘midluk’. Id-dilka hija d-dilka ta’ Alla. Il-poplu Lhudi kien jidlek lir-re bħala l-mexxej tiegħu u kien jidlek lis-saċerdot ukoll. Il-Mulej huwa qaddej, huwa re imma tal-qadi, huwa wkoll saċerdot li joffri ħajtu b’vittma u b’sagrifiċċju.
Dik li tfisser il-kelma ‘Kristu’. Mela meta ngħidu Ġesù Kristu, Kristu mhux il-kunjom ta’ Ġesù ta’ Nazaret. Hu kien magħruf bħala Ġesù ta’ Nazaret. Fil-fatt fuq is-salib hekk insibu: Ġesù Nazzarenu, Sultan tal-Lhud. Ġesù ta’ Nazaret, hekk kien magħruf, Ġesù bin Ġużeppi ta’ Nazaret. Imma l-Mulej jagħżlu, huwa l-iben tiegħu, imma magħżul ukoll Messija, dak li se jġib is-salvazzjoni lill-poplu tiegħu.
It-tielet kelma mhijiex fuq Ġesù imma fuq il-kap tal-Knisja. Mela Indrì jieħu lil ħuh Xmun għand Ġesù. Ġesù jħares lejn Xmun is-sajjied, missieru kien jismu Ġwanni, għalhekk Xmun bin Ġwanni u jgħidlu: “Int Xmun bin Ġwanni. Inti tissejjah Kefa” (Ġw 1:32), it-tielet kelma bil-Lhudi hi ‘kefa’ li tfisser ‘blata’. Minn hemmhekk ġejja ‘petra’ bil-Grieg u anke bil-Latin u allura l-isem Pietru. Pietru jfisser blata. Mela Ġesù hu l-imgħallem, imma Pietru hu l-blata.
Nistgħu ngħidu li f’dan id-dizzjunarju qasir li jagħtina San Ġwann, għandna l-pedament tal-Knisja li tħares lejn Ġesù bħala l-imgħallem tagħha, is-salvatur tagħha; il-midluk tal-Mulej li jġib il-ferħ u l-paċi imma hija wkoll mibnija, hekk ried Ġesù, fuq il-blata tal-fidi ta’ Pietru. Pietru kien midneb bħalna lkoll, bħal kull wieħed u waħda minna, imma Ġesù għażlu. La għażel lil Ġwanni u la għażel lil Indrì, jagħżel ukoll lil Pietru li mbagħad ċaħdu u wara kkonfermah f’din l-għażla b’din il-kelma: “Tħobbni Int?’ ‘Inti taf li jien inħobbok’ U Ġesù jgħidlu: ‘Irgħa l-merħla tiegħi’” (Ġw 21:16.17).
Il-Ħaruf ta’ Alla għandu merħla, u Pietru magħżul — u l-isqfijiet miegħu — biex jirgħa, jaqdi, u jmantni bit-tagħlim u bl-eżempju lill-poplu tiegħu.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta
Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 1 Sam 3:3b-10,19
Salm: 39(40):2,4ab,7-8a,8b-9,10
Qari II: 1 Kor 6:13c-15a,17-20
Evanġelju: Ġw 1:35-42