Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum fl-Italja u f’pajjiżi oħra qed niċċelebraw is-solennità tat-tlugħ fis-Sema tal-Mulej. Il-paġna evanġelika ta’ Mark (Mk 16, 15-20) – it-tmiem tal-Evanġlelju ta’ Marku – tirrakkuntalna l-aħħar laqgħa tal-Irxoxt mad-dixxipli qabel ma Hu tela’ lejn il-lemin tal-Missier. Is-soltu, nafuha, ix-xeni ta’ firda huma ta’ swied il-qalb, lil min jibqa’ jħallulu sentimenti ta’ fixla, ta’ abbandun; iżda minn dan kollu xejn ma effettwa lid-dixxipli. Minkejja li l-Mulej inqata’ minnhom, huma ma jidhrux bla faraġ, anzi, huma hienja u lesti biex isiru missjunarji fid-dinja. Għaliex mhumiex imnikktin id-dixxipli? Għaliex aħna wkoll għandna nkunu ferħana illi naraw lil Ġesù tiela s-sema?
It-Tlugħ fis-Sema jtemm il-missjoni ta’ Ġesù fostna. Infatti, ladarba Ġesù niżel mis-sena għalina, dejjem minħabba fina reġa’ tela’. Wara li niżel fl-umanità tagħna u fdieha – Alla, Iben Alla, jinżel u jsir bniedem, jieħu s-sura tal-umanità tagħna u jifdieha – issa jitla’ s-sema u jieħu miegħu il-ġisem tagħna. Hu l-ewwel bniedem li jidħol fis-sema, għax Ġesù hu bniedem, bniedem veru, huwa Alla, veru Alla; laħamna jinsab fis-sema u dan iferraħna. Fuq il-lemin tal-Missier issa hemm ġisem ta’ bniedem, għall-ewwel darba, il-ġisem ta’ Ġesù, u kull wieħed u waħda minna għandna nikkuntemplaw id-destinazzjoni futura tagħna f’dal-misteru. Bl-ebda mod dan mhu firda, abbandun. Ġesù jibqa’ dejjem mad-dixxipli, magħna. Jibqa’ fit-talb, għax Hu, bħala bniedem, jitlob lill-Missier u bħala Alla, bniedem u Alla, jurih il-pjagi, il-pjagi li bihom fdiena. It-talba ta’ Ġesù hemmhekk qiegħda, bil-ġisem tagħna: Hu wieħed minna, Alla bniedem u jitlob għalina. U dan għalina hu serħan ir-ras sħiħ, anzi hu ferħ, ferħ kbir! U t-tieni raġuni tal-ferħ hija l-wegħda ta’ Ġesù. Hu qalilna: “Nibgħatilkom l-Ispirtu s-Santu”. Jinsab hemm. Flimkien mal-Ispirtu s-Santu jsir dak il-kmandament li Hu jagħti propju meta kien qed isellem: “Morru fid-dinja kollha u ħabbru l-Evanġelju” U tkun il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li teħodna fid-dinja biex inwasslu l-Evanġelju. Hu l-Ispirtu s-Santu ta’ dakinhar, li wegħedna Ġesù, u li disgħat ijiem wara kellu jiġi fil-festa tal-Pentekoste. Hu propju l-Ispirtu s-Santu li għamilha possibbli li llum aħna nkunu li aħna. Ferħ kbir! Ġesù tela’ s-sema: l-ewwel bniedem quddiem il-Missier. Mar bil-pjagi li kienu l-prezz tas-salvazzjoni tagħna, u jitlob għalina. Imbagħad jibgħatilna l-Ispirtu s-Santu, iwegħedna l-Ispirtu s-Santu biex immorru nevanġelizzaw. Din hi r-raġuni tal-ferħ tal-lum, għalhekk il-ferħ f’dal jum tat-Tlugħ fis-Sema.
Ħuti, f’dil-festa tat-Tlugħ fis-Sema, filwaqt li nikkuntemplaw is-sema fejn tela’ Kristu u qiegħed fuq il-lemin tal-Missier, nitolbu lil Marija, Reġina tas-Sema, tgħinna biex fid-dinja nkunu xhieda kuraġġużi tal-Irxoxt fis-sitwazzjonijiet konkreti tal-ħajja.
Wara r-Regina Caeli
Għeżież ħuti!
Qed insegwi bi tħassib kbir dak li qed jiġri fl-Art Imqaddsa. Tul dal-ġranet refa’ rasu t-taqbid vjolenti bejn l-Istrixxa ta’ Gaża u Iżrael, u hemm ir-riskju li jiddeġenera fi spirali ta’ mewt u qerda. Għadd kbir ta’ nies sfaw feruti u bosta innoċenti mietu. Fosthom hemm ukoll it-tfal, u din hi ħaġa terribbli u inaċċettabbli. Il-mewt tagħhom hi sinjal li m’hemmx rieda li jinbena l-ġejjieni, imma rieda li dan jinqered.
Minbarra dan, iż-żjieda fil-mibegħda u l-vjolenza li qed tolqot diversi bliet f’Iżrael huma ferita gravi għall-fraternità u l-konvivenza paċifika bejn iċ-ċittadini, li jkun diffiċli titfejjaq jekk ma jkunx hemm ftuħ immedjat għad-djalogu. Nistaqsi: fejn iwasslu l-mibegħda u t-tpattija? Bis-serjetà dawn jaħsbu li se jiksbu l-paċi billi jfarrku lil xulxin? “F’isem Alla li ħalaq lill-bnedmin kollha ugwali fid-drittijiet, fid-dmirijiet u fid-dinjità, u sejħilhom biex jgħixu flimkien bħal aħwa bejniethom” (cfr Dokument dwar il-Fratellanza umana) nappella għall-kalma u lil min hu responsabbli biex iwaqqaf id-damdim tal-armi u jimxi fit-triq tal-paċi anki bl-għajnuna tal-komunità internazzjonali.
Nitolbu bla heda sabiex l-iżraeljani u l-palestinjani jsibu t-triq tad-djalogu u tal-maħfra, biex bil-paċenzja jkunu bennejja tal-paċi u tal-ġustizzja, billi pass wara pass jinfetħu għat-tama komuni, għall-konvivenza bejn l-aħwa.
Nitolbu għall-vittmi, partikolarment għat-tfal; nitolbu lir-Reġina tal-paċi biex iġġib il-paċi. Sliem għalik, Marija….
Illum tibda’ l-“Ġimgħa Laudato si'” biex tibqa’ dejjem tedukana ħalli nisimgħu l-għajta tal-Art u l-għajta tal-foqra. Irrodd ħajr lid-Dikasteru għas-Servizz tal-Iżvilupp Uman Integrali, lill-Moviment Kattoliku Dinji dwar il-Klima u l-għadd kbir ta’ organizzazzjonijiet marbutin magħhom u nistieden lil kulħadd biex jieħu sehem.
Insellem lill-pellegrini minn diversi nazzjonijiet li lbieraħ, hawn f’Ruma, fil-Bażilika ta’ San Giovanni in Laterano, ħadu sehem fil-beatifikazzjoni tas-saċerdot Francesco Maria della Croce, fundatur tas-Salvatorjani rġiel u nisa. Hu kien ħabbar ħawtiel tal-Evanġelju u kien juża kull mezz ispirat mill-karità ta’ Kristu. Iż-żelu appostoliku tiegħu għandu jkun eżempju u gwida għal kull min fil-Knisja għandu s-sejħa li jwassal il-kelma u l-imħabba ta’ Ġesù f’kull ambjent. Applaws lill-Beatu l-ġdid! Hawn ix-xbieha tiegħu hawnhekk…..
Insellem minn qalbi lilkom ilkoll li ġejtu minn Ruma, mill-Italja u minn pajjiżi oħra, partikolarment lill-Grupp AGESCI-Lupetti mill-parroċċa San Grigor il-Kbir f’Ruma; u lis-Seminarju Redemptoris Mater mid-djoċesi ta’ Firenze.
Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb, anki lill-adoloxxenti tal-Immakulata li huma bravi. U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Sors: Laikos