Segwi t-taħdita pubblika mal-Arċisqof fil-filmat (fuq)

L-Arċisqof Charles J. Scicluna lbieraħ ġie intervistat minn John Allen, il-kap editur tal-gazzetta online Crux, dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali minn membri tal-kleru. L-Arċisqof kien il-mistieden tal-Università ta’ Notre Dame f’Indiana, l-Istati Uniti, għal taħdita pubblika li għaliha attendew mijiet ta’ persuni fosthom għadd kbir ta’ studenti universitarji. 

Waqt l-intervista l-Arċisqof semma’ kif ftit tal-jiem ilu, waqt li kien il-Messiku għall-kungress għall-Amerika Latina dwar il-protezzjoni tat-tfal, huwa ltaqa’ mill-ġdid ma’ Juan Carlos Cruz, wieħed mill-vittmi li kien iltaqa’ miegħu meta mar iċ-Ċilì fuq talba tal-Papa Franġisku.

“Illum konvint li biex tifhem in-natura mill-agħar ta’ dan is-suġġett – l-abbuż ta’ minuri mill-kleru – trid tiltaqa’ mal-vittmi li għexuh… Meta tiltaqa’ ma’ persuna li tkun għaddiet minn din it-traġedja immensa – personali kif ukoll għall-Knisja – tifhem aħjar dwar xiex qegħdin jitkellmu. Quddiemek għandek bniedem li tweġġa’ u ġie ttradut fuq livell li ma nistgħux nifhmu tassew sakemm mhux se nifhmu li dan ġie ttradut spiritwalment,” qal Mons. Scicluna.

L-Arċisqof kompla jispjega li dawn il-vittmi jgħaddu minn dak li għadda minnu Ġesù Kristu fuq is-salib meta qal, “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” għax jistaqsu fejn kien Alla waqt li kienu qegħdin jiġu abbużati.

Wara l-intervista l-Arċisqof ta’ Malta, li huwa Segretarju Aġġunt tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi tas-Santa Sede, wieġeb għall-mistoqsijiet tal-istudenti universitarji li kienu preżenti waqt dan il-forum bl-isem ‘Rebuild my Church: Crisis and Response’ bħala parti mill-2019-20 Notre Dame Forum.