L-Arċidjoċesi ta’ Malta qed tippubblika direttivi dwar it-Tridu tal-Għid ta’ din is-sena, jiġifieri Ħamis ix-Xirka, il-Ġimgħa l-Kbira u Sibt il-Għid. Dan sabiex titħares is-saħħa tal-poplu billi jiġu osservati numru ta’ miżuri li jindirizzaw is-sitwazzjoni preżenti tal-pandemija. 

F’dawn il‑jiem importanti fil‑ħajja tan‑Nisrani, il‑knejjes ser ikunu miftuħa biss għal talb privat kif kien tħabbar fil‑bidu ta’ dan ix‑xahar. Għalhekk, fil‑ħin li l‑knisja tkun miftuħa għall‑pubbliku, mhux ser jiġi organizzat talb komunitarju jew xi attività reliġjuża. Iċ‑ċelebrazzjonijiet liturġiċi ta’ matul it‑Tridu tal‑Għid ser isiru mingħajr il‑preżenza tal‑pubbliku.

Is‑Seba’ Viżti li s‑soltu jsiru f’Ħamis ix‑Xirka filgħaxija jew il‑Ġimgha l‑Kbira filgħodu, għandhom isiru biss fi knisja waħda. Għal waqt dan il‑mument ta’ talb privat ser jintrama l‑artal tar‑repożizzjoni u ser tiġi pprovduta online għajnuna għat‑talb. Din ser tkun aċċessibbli fuq il‑website uffiċjali tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta Knisja.mt, flimkien ma’ lista bil‑ħinijiet tal‑ftuħ tal‑knejjes matul dawn il‑jumejn.

L‑Insara qed jiġu mistiedna jipparteċipaw fiċ‑ċelebrazzjonijiet ta’ matul it‑Tridu tal‑Għid li ser jixxandru fuq TVM2, u online fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt.