L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxu ’l wiċċek, Mulej” (S 23:6). Li tfittex il-wiċċ tal-Mulej huwa proċess għax il-Mulej ma jidhirx imma fil-ħniena tiegħu juri lilu nnifsu u juri lilu nnifsu fil-misteru kbir tal-imħabba.

Jekk inti tħobb ’il ħuk u ’l oħtok li tara, tista’ tħobb lil Alla li ma tarax; imma jekk ma tħobbx lil ħuk u ’l oħtok li tara, kif tista’ tħobb lil Alla li ma tarax? In-nisel ta’ dawk li jfittxu wiċċ il-Mulej huwa n-nisel ta’ dawk li lesti jaraw lill-Mulej f’ħuthom, li jiftakru fil-kelma għażiża tal-Imgħallem: “Dak li għamiltu mal-iżgħar fost ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25:40).

Imma aħna salvati, aħna nissaffew, u nsiru qaddisin bit-tama hienja li naraw lill-Mulej wiċċ imb wiċċ. Kif smajna fil-qari tal-lum, l-appostlu San Ġwann jgħallimna li “kull min għandu din it-tama fih, isir safi bħalma safi huwa Kristu” (1Ġw 3:3).

Aħna sfortunatament forsi darrewna li l-qdusija hija xi ħaġa li rridu nġibuha b’idejna. Kemm aħna boloh! Nippretendu li m’għandniex bżonn lil Alla li jqaddisna, li hu jiġġustifikana, li jsejħilna u li jdaħħalna fl-hena tiegħu. “Jiena inserraħkom,” jgħid il-Mulej, u għalhekk jgħidilna wkoll: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin” (Mt 11:28). Mhux din hija d-deskrizzzjoni ġusta u preċiża tal-ħajja tagħna, tat-taqbida tagħna ta’ kuljum mal-egoiżmi tagħna, mad-dgħufija tagħna, mad-dnubiet tagħna? “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin u jiena inserraħkom.”

Għaliex dik il-ġgajta ta’ qaddisin libsin ilbies twal bojod fuqhom huma aħna msoffija mid-Demm tal-Ħaruf (ara Apok 7:14). Huwa misteru kbir kif id-demm ta’ kulur ħamrani jista’ jbajjad, jista’ jagħmel libsa bajda. Dan huwa misteru kbir għax id-demm imxerred tal-Ħaruf huwa demm imxerred għas-salvazzjoni tal-kotra, ta’ kull wieħed u waħda minna.

Il-qdusija tagħna hija opra kbira tal-ħniena ta’ Alla, hija dik il-barka li l-Mulej iwiegħed mhux lil min għamel suċċess fil-ħajja imma lil min kellu l-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja; lil min kien imnikket; lil dak ta’ qalbu ħelwa; lil dak li jħenn u li f’qalbu ma jippruvax jingħeleb mir-regħba imma għandu qalbu safja; lil dak li jġib il-paċi u lil dak li jbati għas-sewwa (ara Mt 5:1-12).

Il-valuri ta’ suċċess tad-dinja Ġesù jagħmilhom rashom ’l isfel u saqajhom ’il fuq. Hekk jagħmel biex jurina li fid-dgħufija tagħna, fil-vulnerabbiltà tagħna, hemm it-triq tal-qdusija jekk biss infittxu wiċċu.

Għeżież seminaristi, illum il-Knisja tilqagħkom bħala kandidati uffiċjali għall-Ordni tad-Djakonat imbagħad tal-Presbiterat. F’dan il-jum solenni tal-qaddisin kollha huwa l-mument li tiftakru li l-merti tagħkom huma l-ħniena ta’ Alla msarrfa fuqkom kuljum. Illum irringrazzjaw ukoll għall-eżempji sbieħ li ħadtu minn tant nies li ltqajtu magħhom: il-qaddisin ġirien tagħkom li jitolbu għalikom u li t-talb tagħhom, li jafu biss Alla, wassalkom hawnhekk. Il-perseveranza tagħkom hija iebsa daqskemm hi faċli. Ittamaw fil-ħniena ta’ Alla u mhux fuq il-ħila tagħkom, u timxu sew.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Apok 7:2-4,9-14
Salm: 23 (24), 1-2,3-4ab,5-6
Qari II: 1 Ġw 3:1-3
Evanġelju: Mt 5:1-12a